L-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona se jkun espost għall-qima mill-pubbliku fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta.
Dawn id-dettalji tħabbru fi stqarrija mill-Gvern u l-Kurja, l-Erbgħa filgħaxija.
Il-Ħamis għall-ħabta ta’ nofsinhar se jindaqqu l-qniepen kollha tal-knejjes, b’tislima lill-Arċisqof Emeritu.
Fl-3:45pm, il-korteo funebri se jitlaq mill-Isptar Mater Dei għall-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Se jmur l-ewwel quddiem il-Knisja ta’ San Duminku fil-Belt, fejn se tingħata tislima lill-Arċisqof Emeritu mill-Familja Duminka.
Wara se jgħaddi minn Triq il-Merkanti, Triq San Duminku, Pjazza San Ġorġ u Triq ir-Repubblika, għall-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Fil-ħamsa ta’ waranofsinhar se jsir l-Għasar tal-Mejtin, li se jitmexxa mill-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles J. Scicluna.
Imbagħad bejn il-5:30pm u t-8:30pm, l-Arċisqof Emeritu Cremona se jkun espost għall-qima tal-pubbliku fl-Oratorju tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Se jkun hemm ukoll ktieb tal-kondoljanzi.
Imbagħad, il-Ġimgħa se jkun espost għall-qima tal-pubbliku bejn id-disgħa ta’ filgħodu u t-tmienja u nofs ta’ filgħaxija.
Is-Sibt, imbagħad se tingħata l-aħħar tislima lill-Monsinjur Pawlu Cremona, bil-quddiesa se tkun fid-disgħa u nofs ta’ filgħodu.
Preżenti se jkun hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President Myriam Spiteri Debono u l-Prim Ministru Robert Abela. Din l-aħħar tislima se tkun ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles Scicluna.
Id-difna se ssir b’mod privat fil-Knisja tal-Madonna tal-Għar u ta’ San Duminku fir-Rabat.