Illum, il-Monsinjur Pawlu Cremona se jibqa’ espost għall-pubbliku fl-Oratorju tal-Kon-Katidral fil-Belt Valletta. Dan se jiġri bejn id-disgħa ta’ filgħodu u t-tmienja u nofs ta’ filgħaxija.
Hemmhekk ukoll se jkun hemm il-ktieb tal-kondoljanzi.
F’nofsinhar u anki ma nżul ix-xemx, jindaqqu l-qniepen fi transitu mill-knejjes kollha ta’ Malta b’tislima lill-Arċisqof Emeritu Cremona.
Imbagħad fis-7:30pm se jingħad ir-Rużarju mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna, fl-Oratorju tal-Kon-Katidral, fejn jinsab espost għall-qima mill-pubbliku l-Monsinjur Cremona.
Għada, is-Sibt, imbagħad tingħata l-aħħar tislima lill-Monsinjur Pawlu Cremona, b’quddiesa fid-9:30am u se tkun ikkonċelebrata mill-Arċisqof Scicluna.
Preżenti għal din l-aħħar tislima se jkun hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President Myriam Spiteri Debono u l-Prim Ministru Robert Abela.


