Monsinjur Mario Grech mhux se jibqa’ Isqof tad-djoċesi t’Għawdex.
Mario Grech mistenni jibqa’ mmexxi d-djoċesi t’Għawdex bħala Isqof Appostoliku sa Awwissu li ġej.
Hu mifhum li Mons. Grech ġie msejjaħ biex ikompli b’ħidmietu f’Ruma fejn se jkun qed jokkupa l-kariga ta’ Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.
Mons. Grech se jieħu din il-kariga f’Ruma flok il-Kardinal Lorenzo Baldisseri.
Dalgħodu wkoll Mario Grech laqqa’ l-kapitlu tal-Katidral t’Għawdex fejn ikkomunika din l-aħbar.
Dan is-sit huwa infurmat ukoll li Mons. Grech kellu jlaqqa’ l-kappillani tal-parroċċi f’Għawdex fil-11:30 ta’ dalgħodu.
Mario Grech li llum jgħodd 62 sena laħaq Isqof fl-2005.
14-il sena ilu, Mario Grech kien laħaq flok Nikol Cauchi, wara li kien kappillan tal-parroċċa ta’ Kerċem.
Huwa kien ordnat saċerdot f’Mejju tal-1984 u jibqa’ mfakkar għad-dikjarazzjonijiet tiegħu magħmula bir-reqqa speċjalment fuq temi soċjali.
Minn issa ‘l quddiem tibda l-ħidma biex jinħatar Isqof ġdid għad-djoċesi t’Għawdex li nfatmet mid-djoċesi ta’ Malta seklu u nofs ilu.
Intant, diġà bdew jissemmew xi ismijiet biex jieħdu f’idejhom id-djoċesi t’Għawdex.
one.com.mt huwa infurmat li r-Rev. Prof. Hector Scerri huwa l-aktar isem favorit li jista’ jkun is-suċċessur ta’ Mons. Grech.
Huwa l-Papa Franġisku li wara diversi konsultazzjonijiet fosthom man-Nunzju Appostoliku jaħtar l-Isqof il-ġdid t’Għawdex.
Fi stqarrija l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ferħu lill-Mons. Mario Grech għal din il-kariga mogħtija mill-Papa Franġisku.
Huma rringrazzjawh għall-ħidma li wettaq matul dawn l-14-il sena kif ukoll tall- serva bħala ragħaj tad-djoċesi Għawdxija u bħala kollaboratur ewlieni fil-Konferenza Episkopali Maltija.
Intant, fi Tweet il-Prim Ministru Joseph Muscat, awgura lill-Mons. Grech għal din il-kariga l-ġdida.
Huwa stqarr li Mons. Grech huwa interlokutur ta’ min jafdah, li miegħu seta’ jiddiskuti diversi suġġetti.
I wish #Gozo bishop @GrechMario all the best in his new Holy See role Secretary General of the Synod of Bishops. I always found in him a trustworthy interlocutor with whom I could discuss openly -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) October 2, 2019
Fi stqarrija l-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela ukoll ferħu lill-Mons. Grech għal din il-kariga l-ġdida.
I congratulate Monsignor Mario Grech for his appointment as Pro Secretary General of the Synod of Bishops at the Vatican City State. This appointment by @Pontifex is an honour for #Malta, the #Maltese and for Bishop @GrechMario @MFAMalta @MaltaGov pic.twitter.com/xXTBT3JAq5
— Carmelo Abela (@AbelaCarmelo) October 2, 2019