Jgħidu li l-Malti għandu karattru kemxejn furjuż. U jidher li meta l-Malti jkun qed jitkellem dwar il-Malti, id-dibattitu jaf ikun wieħed imqanqal.
Il-Gvern qed jipproponi bidliet għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti li qajmu xi ftit tal-kontroversja. Dan għax dawk li bħalissa jiddominaw il-Kunsill ma jridux il-bidla proposta.
Jargumentaw li m’hawn ħadd kompetenti iktar minnhom biex jiddeċiedi dwar ilsienna. Filwaqt li oħrajn, fosthom dawk li deħlin fil-Kunsill għall-ewwel darba, jemmnu li m’għandu jkun hemm ebda monopolju fuq il-lingwa. Dawn tal-aħħar jargumentaw li hemm bosta kapaċi jkunu involuti fl-ilsien imħaddem mill-poplu ta’ gżiritna.
Fost dawn tal-aħħar insibu lil Mark Camilleri, Ċermen tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, li issa se jkollu rappreżentanza fl-istess Kunsill.
Mal-ġurnal KullĦadd, Camilleri qal li “r-riforma se tiftaħ ftit il-Kunsill, tiddiversifika l-bażi tiegħu u iżżid is-superviżjoni tax-xogħol li jsir. Apparti minn hekk, ir-riforma l-ġdida tagħti rappreżentanza lill-pubblikaturi u lill-awturi u din hija importanti mmens f’Kunsill tal-Lingwa. Ma tistax tieħu deċiżjonijiet fuq il-lingwa mingħajr l-approvazzjoni ta’ min essenzjalment l-aktar juża l-lingwa.”
Camilleri jargumenta li għalkemm l-akkademiċi attwali fil-Kunsill għandhom għarfien tekniku tajjeb ħafna tal-lingwa, għandhom jifhmu li r-rappreżentanza għandha titwessa’ u mhux tintuża bħala establishment. Għax fuq kollox, jemmen Camilleri, dawn huma riformi moderati u raġonevoli.
Il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, li għal kontroversja mhux xi wiċċ ġdid, iżid ukoll: “Hemm akkademiċi li qed jużaw dawn ir-riformi bħala skuża biex jibdew ġlieda mal-Ministru għall-Edukazzjoni għax ma tantx għandhom fuq xiex jiġġieldu miegħu. Dan l-aġir insibu infantili u partiġġjan b’mod estrem speċjalment meta tqis li dawn l-istess akkademiċi li qed jiġġieldu mal-Ministru fuq ir-riforma qatt ma tniffsu jew fetħu ħalqhom meta taħt gvern differenti kien hemm il-kwistjoni ferm iktar gravi ta’ kittieb li kien qed jirriskja jmur il-ħabs.’
Għaliex qed jopponu?
L-akkademiċi fil-Kunsill qed jargumentaw li bl-emendi proposti, il-maġġoranza tal-membri fil-Kunsill mhux neċessarjament se jkunu esperti fil-Malti. Għaldaqstant jonqsu kemm l-element akkademiku u anke l-kwalità li jsawru l-lingwa Maltija. Xi ħaġa li skont huma, mhux fl-interess tal-poplu.
Is-sitt entitajiet li ngħaqdu f’din l-oppożizzjoni huma; L-Akkademja tal-Malti, Id-Dipartiment tal-Malti fl-Universita, Id-Dipartiment tal-Malti fil-Junior College, L-Istitut tal-Lingwistika fl-Università, L-Għaqda tal-Malti fl-Università u L-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti.
Dawn is-sitt entitajiet huma diġà fil-Kunsill Nazzjonali, flimkien mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, Il-Kunsill Malti għall-Arti, id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni u rappreżentat tal-Avukat Ġenerali.
Iżda issa magħhom hu propost li jkun hemm entitajiet oħra; L-Awtorità tax-Xandir, rappreżentant tal-pubblikaturi u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Il-fatt li l-entitajiet tal-Malti li għandhom maġġoranza bħalissa mhux se jibqgħu fit-tmun xejn mhu tinżel tajjeb.
Olvin Vella, President tal-Akkademja tal-Malti, tkellem f’konferenza iktar kmieni din il-ġimgħa u appella biex l-emendi ma jgħaddux. Għaliex, fi kliemu, il-Kunsill diġà qed jopera b’mod tajjeb u jagħti frott xieraq u għalhekk m’għandux għalfejn jintmess.
“Aħna jkollna nies li studjaw il-Malti, l-għażla kienet tkun infurmata u dejjem kien jintlaħaq kompromess. Meta saret xi bidla fil-lingwa dejjem kien hemm raġuni”, saħaq Olvin Vella li huwa wkoll riċerkatur dwar il-lingwa Maltija.
“Dan hu Kunsill li jagħti servizz. Aħna ma rridu bl-ebda mod indgħajfuh dak is-servizz,” reġa’ emfasizza Vella.
Kwistjoni oħra hi dwar il-kumitati tekniċi. Kumitati li bħalissa jinħatru esklussivament mill-Akkademja tal-Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università.
Bil-bidliet, l-Akkademja tal-Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università se jibqgħu jkunu jistgħu jipproponu persuni biex iservu ta’ kapijiet tal-kumitati tekniċi. Biss, bis-saħħa tal-emendi, il-membri l-oħra tal-Kunsill issa se jkunu jistgħu jipproponu studjużi u persuni speċjalizzati għall-istess kariga; bl-għażla aħħarija issa tkun f’idejn il-Kunsill.
Fuq kollox, dawk li jridu Kunsill iktar miftuħ jgħidu li l-ilsien Malti mhu monopolju ta’ ħadd. Jargumentaw ukoll li l-Malti mhux tal-akkademiċi biss. Għax m’għandniex xi ngħidu, il-lingwa għandha impatt dirett fuq diversi oqsma f’pajjiżna, bħall-istampar u l-midja. Kull deċiżjoni teknika mill-Kunsill se taffettwa lil dawn l-oqsma.
Chris Gruppetta, id-Direttur ta’ Merlin Publishers, magħruf għal kemm jappoġġja lill-awturi Maltin, qal li għalkemm jemmen li d-deċiżjonijiet aħħarija għandhom jittieħdu minn nies kwalifikati, ir-rappreżentazzjoni ta’ pubblikaturi kompetenti fil-lingwa fuq il-Kunsill hija kruċjali. “Fil-passat ittieħdu ċerti deċiżjonijiet li kellhom riperkussjonijiet anke gravi fuq xogħolna. Fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjonijiet dwar bidla fl-ortografija pereżempju jridu jiġu implimentati minna prattikament għax aħna qed nippubblikaw il-kotba u ninvestu l-flus, u jekk tinbidel regola kull jumejn irridu naħarqu l-kotba u nerġgħu nistampawhom bir-regoli l-ġodda”, spjega Gruppetta.
Pubblikatur li huwa kompetenti fil-lingwa Maltija, għaliex wara kollox huwa xogħlu li jsegwi Malti tajjeb, mhux neċessarjament ikun ħareġ mill-Università b’baċellerat jew dottorat fil-Malti. Allura, huwa postu fil-Kunsill Nazzjonali tal-ilsien Malti? “Naħseb importanti li jkun hemm taħlita għaliex l-irwol tal-pubblikatur fil-Kunsill mhux se jkun ta’ dak li jgħid li r-regola lingwistika għandha tkun mod jew ieħor, imma li jara li l-pubblikaturi jistgħu fil-prattika jimplimentaw il-bidliet mingħajr taħwid fis-suq. Fil-bordijiet li naf jien kulħadd joqgħod għall-kompetenza tiegħu. Mhux kull membru fil-Kunsill se jkun qed jieħu d-deċiżjoni ta’ kif tinkiteb kelma pereżempju” żied jgħid Gruppetta.
Qasam li se jibqa’ jkollu vuċi fil-Kunsill huwa dak ġurnalistiku. Karl Wright, Ċermen tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ukoll qabel dwar il-bilanċ fil-Kunsill, li wara kollox dejjem ħadem għall-aħjar użu tal-lingwa li tant ngħożżu.
“M’iniex ngħid li għandu jkun hemm kulħadd li huwa ggradwat fil-Malti jew kulħadd li mhux gradwat. Bħal f’kollox għandu jkun hemm bilanċ tajjeb. Dan bħall-każ tiegħi jew tagħkom bħala ġurnalisti. Ma jfissirx li jekk int mhux gradwat fil-Komunikazzjoni mela mhux ġurnalist tajjeb,” qal Wright. “Irid ikollok element tajjeb minn kull naħa. Jiġifieri jkollok kontribut tajjeb ta’ min studja l-lingwa u anke ta’ min iħaddem il-lingwa.”
Wright qal ukoll li l-preżenza tal-IĠM fil-Kunsill se tkun qed iġġorr magħha l-esperjenza ġurnalistika f’Malta. Ir-rappreżentant se jwassal dak li jgħix kuljum il-ġurnalist.
Wright qabel ukoll li kull membru, kwalifikat jew le, għandu dritt isemma’ leħnu dwar deċiżjonijiet tal-lingwa iżda, tajjeb li jara kif dawn jimplimentaw l-opinjonijiet ta’ kulħadd, diffiċli kemm tkun diffiċli.
Min-naħa tiegħu l-Ministeru għall-Edukazzjoni jibqa’ jisħaq li l-emendi proposti huma frott konsultazzjoni pubblika wiesgħa, fejn ħareġ ċar li fadal ħafna xogħol xi jsir biex ilsienna jimxi ’l quddiem, ikun irrispettat kif xieraq u jintuża aħjar. Għalkemm ħidmet il-Kunsill bis-sehem ta’ diversi għaqdiet tal-Malti tat il-frott, kien innutat darba darbtejn li mhux dejjem intlaħqu l-aspettativi tal-poplu.
Għalhekk jemmen li bis-sehem ta’ iżjed għaqdiet u oqsma fil-Kunsill, rappreżentati minn persuni kwalifikati u kompetenti fil-lingwa Maltija, il-Kunsill kull ma jmur se jissaħħaħ, u mhux jiftaqar mill-kwalità jew l-awtorità li diġà għandu.
Dan l-artiklu jinsab fil-ġurnal KullĦadd