Monitor tal-qalb li nħoloq mill-kumpanija Maltija Umana Medical Technologies ġie deskritt bħala revoluzzjonarju fil-Kungress annwali Ewropew tal-Kardjoloġija.
L-apparat jikkonsisti minn monitor żgħir li ħa jintuża minflok apparat ieħor b’ħafna wires li l-pazjent ikun irid iżomm fuqu għal numru ta’ ġranet.Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Dr Adrian Attard Trevisan tkellem dwar bosta vantaġġi li joffri dan l-apparat għall-pazjenti li jbatu b’xi kundizzjoni f’qalbhom:
“Huwa bażikament a temporary tattoo sensor, jiġi fuq il-ġilda tiegħek, f’żewġ minuti tilbsu u dan l-għan tiegħu huwa li jieħu post it-traditional holter ġifieri dawk l-apparati tal-qalb li huma bulky, b’ħafna wires fuqhom”.
Il-Kap Eżekuttiv żied jispjega li permezz ta’ dan il-prodott il-pazjent se jkun jista’ jkompli bil-ħajja tiegħu normali minkejja li jkun qed isir l-ECG. Dan hekk kif ħafna drabi l-pazjenti jkunu jridu jieħdu ġurnata leave mix-xogħol għax l-apparat li qed jintuża bħalissa huwa goff:
“Kemm jista’ jkun il-pazjent ikun jista’ jimxi kemm jiflaħ u jista’ jgħix ħajja normali. B’dan it-tattoo sensor, aħna ngħidulu Umana T1, bażikament tilbsu fuq ġismek u tilbes amplifier żgħir biex jittrasmetti d-data imma fl-istess ħin il-persuna tista’ tilbisha, toħroġ barra mill-isptar, tagħmel il-holter ecg u fl-istess ħin tagħmel l-attivitajiet tagħha normali”.
L-Umana T1 se tkun ukoll ta’ għajnuna kbira għat-tobba li ħa jkunu jistgħu jgħinu lill-pazjenti tagħhom b’mod aktar malajr:
“Id-data kollha li niġbru għandna numru ta’ software natuha kemm il-pazjent imma wkoll biex jgħin lit-tobba fl-isptarijiet, għandna dak li jgħidulu il-biomedical studio li jintuża fl-isptarijiet li jgħin lit-tobba jilħqu d-dijanjużi tagħhom f’pazjenti li għandhom problema ta’ qalb b’mod ħafna aktar faċli u b’mod aktar malajr”.
Dr.Attard Trevision kompla jispjega kif għandhom aktar proġetti pjanati għall-futur fosthom li permezz tad-data li joħorġu mit-testijiet tal-ECG, ikunu jistgħu jsiru jafu dwar kundizzjonijiet oħra fil-pazjent:
“Se nużaw dak li jgħidulu artificial intelligence u ninvestu ħafna f’dawn l-algorithims fl-artificial intelligence biex jgħinu t-tobba u lill-pazjenti. qed nużaw pereżempju l-ECG data tal-qalb biex inkunu nafu fil-futur biex insibu kundizzjonijiet bħal sleep apnea”.
Dan il-prodott diġà beda jintuża f’għadd ta’ pajjiżi oħra fosthom fi sptarijiet fil-Portugall, l-Ingilterra u l-Arabja Sawdija.