- Tnedija ta’ proġett ta’ monitoraġġ tal-ambjent marin għall-immaniġġjar effettiv tal-ibħra ta’ Malta taħt il-fondi tal-EMFF
Il-proġett imniedi mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għall-monitoraġġ tal-ambjent tal-baħar parzjalment iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u Sajd għall-2014-2020 (EMFF), se jagħti bidu għall-implimentazzjoni ta’ monitoraġġ ambjentali sostenibbli tal-ibħra Maltin bil-għan li jevalwa l-istat tal-ibħra fuq bażi kontinwa kif ukoll jindirizza n-nuqqas ta’ għarfien fejn meħtieġ.
Dan il-proġett se jimplimenta pjan ta’ monitoraġġ tal-baħar li l-Gvern approva fl-2015. Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera qal li r-riżultati ta’ dan il-proġett se jikkontribwixxu għall-immaniġġjar effettiv u għall-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar għall-benefiċċju tal-ambjent u tas-setturi marittimi kollha. Permezz ta’ dan il-proġett, l-ERA se tkompli taħdem ukoll lejn il-kisba ta’ Status Ambjentali tajjeb fl-ibħra Maltin. Il-Ministru Herrera qal li minħabba l-kobor ta’ din l-inizjattiva, l-ispiża totali tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ monitoraġġ mistennija tilħaq madwar l-€4 miljun.
L-ibħra Maltin qed jaffaċċjaw pressjonijiet li dejjem qed jiżdiedu minn attivitajiet tal-bniedem li jwasslu għad-deterjorazzjoni tal-ambjent marin. Data u informazzjoni korretta minn dan il-proġett se jintużaw biex jiġu żviluppati prattiċi ta’ mmaniġġjar ħalli jiġu indirizzati dawn il-pressjonijiet.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li l-Unjoni Ewropea għandha tkun Unjoni li ddur mal-proġetti għax fl-aħħar mill-aħħar huma l-proġetti li jgħaqqdu n-nies flimkien. Qal li dawn il-fondi se jgħinuna wkoll fl-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ Malta fis-settur tal-baħar, filwaqt li se nutilizzaw u se nassorbu l-fondi kollha tagħna b’għaqal fis-settur marittimu tas-sajd u tal-akwakultura.
Miraine Rizzo, uffiċjal tal-ERA u Project Leader, qalet li “l-ERA hi ħerqana li timplimenta dan il-proġett iffinanzjat mill-UE peress li se jitfa’ dawl fuq nuqqasijiet fl-għarfien li bħalissa qed jillimitaw il-kapaċità tagħna li nimmaniġjaw b’mod effettiv l-ambjent marin”.
L-ERA se tagħmel l-almu kollu tagħha biex tassorbi l-€1.6 miljun totali f’fondi pubbliċi eliġibbli (75% UE, 25% MT) li kienu allokati taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd għall-2014-2020, għall-implimentazzjoni ta’ programm ta’ monitoraġġ tal-baħar.
Il-proġett mistenni jieħu sentejn sabiex jitlesta.
Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett, ikkuntattja info@era.org.mt jew ċempel fuq 2292 3500.