L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, iddikjarat l-imxija tal-Monkeypox fil-Kongo, fl-Afrika, bħala Emerġenza tas-Saħħa Pubblika ta’ Tħassib Internazzjonali. Sal-lum, l-uffiċjali tas-saħħa kkonfermaw infezzjoni fl-Iżvezja b’varjant ġdid ta’ dan il-virus, li hu assoċjat mal-istess imxija li qed tikber fil-kontinent Afrikan.
Matul din is-sena, f’Malta ma ġie rrapportat l-ebda każ ta’ Monkeypox.
Ir-riskju għaċ-ċittadini, li jivvjaġġaw lejn il-pajjiżi affettwati u li jkollhom kuntatt mill-qrib ma’ persuni li jgħixu fil-pajjiżi milqutin, hu vvalutat bħala moderat, filwaqt li r-riskju għal dawk li ma jkollhomx kuntatt mill-qrib mal-komunità lokali hu vvalutat bħala baxx.
Fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, ġie spjegat kif l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin qed isegwu mill-qrib kwalunkwe każ potenzjali. Ġie spjegat kif is-sistemi ta’ sorveljanza ġew imsaħħa biex jinstabu u jirrispondu malajr għal kwalunkwe każ suspettat tal-virus.
Ingħad li d-djanjożi hi kruċjali u l-pubbliku qed jiġu informat dwar l-għarfien tas-sintomi.
Dawk li se jivvjaġġaw lejn il-pajjiżi affettwati, qed jiġu mħeġġa biex jevitaw kuntatt mill-qrib ma’ nies li għandhom raxx li jidher qisu tal-ġidri u jevitaw kuntatt ma’ oġġetti u materjali li jkunu ntużaw minn persuna bil-Monkeypox.
Hu mħeġġeġ ukoll li wieħed jaħsel idejh ta’ spiss bis-sapun u l-ilma jew juża sanitizer tal-idejn.
Fl-istqarrija, sar l-appell biex jekk xi ħadd ikollu xi sintomu tal-Monkeypox jew kellu kuntatt mill-qrib ma’ xi ħadd bil-virus, ikellem tabib tal-familja dwar l-ittestjar u t-trattament.
Il-Ministeru għas-Saħħa qal li Malta tibqa’ viġilanti u impenjata li tipproteġi liċ-ċittadini u lill-viżitaturi mill-epidemija tal-Monkeypox u, għal dan il-għan, ittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw djanjożi u trattament f’każ li jkun hemm bżonn.