Meta r-residenti ta’ Fair Haven, f’Vermont l-Amerka, ġew biex jivvutaw għas-“sindku tal-lokalità”, għażlu mogħża bl-isem ta’ Lincoln biex tkun is-sindku onorarju.
Lincoln ġiet eletta bi 13 il-vot, filwaqt li Sammie l-kelba rċeviet 10 voti.
Bħala l-ewwel sindku onorarju, Lincoln se tattendi għal attivitajiet matul is-sena u hemm pjanijiet biex tieħu sehem f’parata f’Memorial Day.
F’Fair Haven jgħixu 2,500 ruħ u din il-lokalità m’għandiex sindku uman.
Joseph Gunter li jieħu ħsieb il-lokalità sema’ li f’Michigan kienu vvutaw għal sindku onorarju u ħaseb li tkun xi ħaġa interessanti għal lokalità ta’ Fair Haven.
B’ $5 biss, ir-residenti jkunu jistgħu jdaħħlu l-annimali domestiċi tagħhom f’tiġrija. Kull dollaru jmur biex tinbena playground fil-komunità.
F’din l-attività, inġabru $100 u kienet okkażjoni innovattiva kif jintroduċu l-idea ta’ kif issir elezzjoni lit-tfal tal-kindergarten.