Aġenzija Żgħażagħ għal darb’oħra qasmet diversi fondi permezz ta’ skemi lill-għaqdiet taż-żgħażagħ jew l-għaqdiet li jaħdmu maż-żgħażagħ. L-iskemi A4U u BeActive qed jaraw tkabbir kemm fil-fondi mgħotija li din is-sena laħħqu t-€300,000, kif ukoll fil-parteċipazzjoni mill-għaqdiet volontarji b’diversi proġetti li jsiru fil-komunità.
B’kollox din is-sena ntlaqgħu 116-il proposta, 71 applikazzjoni għall-iskema A4U, u 45 applikazzjoni għall-iskema BeActive, li minnhom ġew magħżula 94 għaqda volontarja differenti.
L-għaqdiet li bbenefikaw minn dawn l-iskemi ġew mistiedna għal avveniment li fih ingħataw il-finanzjament sabiex jimplimentaw il-proġetti tagħhom. L-għotja saret mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ is-Sinjura Miriam Theuma.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq dwar l-importanza ta’ skemi simili immirati b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.
Il-Kap Eżekuttiv Miriam Theuma saħqet dwar l-impenn ta’ Aġenzija Żgħażagħ li tkompli toffri skemi simili u kemm huwa importanti li aktar għaqdiet taż-żgħażagħ jew li jaħdmu maż-żgħażagħ ifittxu li jibbenefikaw minnhom.