Fil-FIFA Best Awards li saru f’Londra il-bierah, il-midfielder internazzjonali Kroat ta’ Real Madrid Luka Modric għeleb l-isfida ta’ Cristriano Ronaldo u Mohammed Salah biex rebaħ l-unur tal-aqwa player tal-FIFA.
Modric rebaħ dan l-unur wara li kien protagonist fir-rebħ tat-tielet Champions League konsekuttiva minn Real Madrid u anki wassal lill-Kroazja sal-finali tat-Tazza tad-Dinja.
Ta’ min jgħid li din hija l-ewwel darba f’għaxar snin li dan l-unur ma ntrebaħx minn Ronaldo jew Lionel Messi. L-aħħar player li kien rebaħ l-unur barra dawn it-tnejn kien Kaka fl-2007.
Salah rebaħ il-FIFA Puskas Award għall-goal tiegħu fid-derby kontra Everton l-istagun li għadda; l-ex goalkeeper ta’ Chelsea, u issa ta’ Real Madrid, Thibaut Courtois rebaħ l-unur tal-aqwa goalkeeper; u l-kowċ tat-tim nazzjonali Franciz Didier Deschamps rebaħ l-unur tal-aqwa kowċ.
Bħala l-aqwa ħdax tal-FIFA ġew magħżula De Gea, Dani Alves, Varane, Sergio Ramos, Marcelo; Modric, Kanté, Hazard, Messi, Mbappe’, Ronaldo.
L-unur tal-aqwa supporters mar għall-partitarji tal-Peru li biex isegwu lit-team tagħhom fl-ewwel fażi finali tat-Tazza tad-Dinja mill-1982, fir Russja kienu jgħoddu madwar 40,000.
L-unur tal-aqwa player tan-nisa intrebaħ mill-Brażiljana Marta għas-sitt darba fil-karriera tagħha.