BOXERS: l-irġiel għamlu ħabta l-ħin kollu jiġru bihom. Mhux għax għandhom jiġru mingħajrhom, imma ħafna jargumentaw li ħwejjeġ ta’ taħt m’għandhomx ikunu hemm biex wieħed jarahom; għandhom jibqgħu ‘ta’ taħt’.
Għamel ħabta moda l-qalziet baxx bil-faxx tal-boxers jidher, ġeneralment ta’ xi ditta. Ħafna għadhom isegwu din il-moda, mhux għax jifmhu wisq fl-haute couture imma għax ma jarawx bżonn ċintorin jew ħajjat tajjeb.
S’issa ma kinitx moda li qabdet sew man-nisa. Għalkemm ċfuf, spag u żigarelli rajna bil-bosta, boxers ftit li xejn.
Sakemm wasal ilbieraħ u saru l-Olivier Awards f’Londra. L-attriċi Rose Leslie, magħrufa għar-rwol tagħha f’Game of Thrones, libset libsa twila ħamra, kważi kważi klassika.
Sakemm wieħed jinduna bil-faxx tal-boxers jidher. Ċar kristall kien l-isem Christian Dior fuq dawn il-boxers bojod. Il-faxx bil-kiem iswed fuq l-abjad tista’ tgħid ġibed l-attenzjoni aktar mill-wiċċ impekkabbli tal-attriċi. L-istess maċ-ċniegi tar-riċipettu sportiv.
Minn jaf kemm nisa ġieli ġrew fi ħwienet ifittxu lbies ta’ taħt li jagħmel l-aqwa att ta’ camouflage!
Issa jistgħu jinsew dan kollu, iħallu t-trufijiet jidhru, u b’naqra poża u kufidenza, jaf isiru tal-moda.