Id-diġitalizzazzjoni toffri liċ-ċittadini opportunita` biex itejbu l-qagħda soċjali tagħhom f’pajjiżi bi problemi ekonomiċi u soċjali, qal Alfred Sant meta ivvota favur rapport li jħeġġeġ it-tixrid tal-aċċess għat-teknoloġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jonqos il-faqar.
Dr Sant qal li aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja ma għandhiex aċċess għall-internet; għalhekk, id-diġitalizzazzjoni tirrappreżenta qasam li għadu mhux sfruttat biżżejjed, bil-potenzjal li tinkiseb aktar ugwaljanza billi jitnaqqsu d-disparitajiet fuq skala globali. It-twaqqif ta’ ekonomija diġitali f’pajjiżi l-anqas żviluppati jħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku, inkluż il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, tkabbir u diversifikazzjoni tal-esportazzjoni.
Alfred Sant qal li żieda fid-diġitalizzazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tista’ tegħleb l-konsegwenzi negattivi tal-globalizzazzjoni, l-aktar it-telf tal-impjiegi ta’ ħiliet baxxi. Żieda fil-ħiliet diġitali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw joffru aċċess aħjar lill-ħaddiema għall-informazzjoni biex titjieb l-edukazzjoni u l-ħila li jinkisbu impjiegi u pagi u b’mod ġenerali livell ta’ għejxien aħjar.
Ir-Rapport għadda b’499 vot favur, 48 kontra u 108 astensjonijiet.