Mohammed Salah iffirma estensjoni ta’ sentejn mat-tim tal-futbol Ingliż Liverpool hekk kif dan l-istaġun huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa fil-karriera tiegħu. Filfatt, il-plejer prolifiku Eġizzjan li għandu 32 sena, matul dan l-istaġun diġà skorja aktar minn 30 gowl.
Din l-aħbar se tkun qed ittemm l-inċertezza ta’ diversi xhur fost il-partitarji ta’ Liverpool, hekk kif kien hemm ħafna spekulazzjonijiet li din l-istilla tal-futbol internazzjonali ma kinitx se ġġedded il-kuntratt.
Minkejja l-età tiegħu, Salah huwa wieħed mill-aqwa elementi fit-tim u fattur importanti li għen lil Liverpool jokkupaw il-quċċata tal-klassifika b’distakk ta’ 11-il punt fuq l-eqreb avversarju Arsenal.
Dan ċertament jawgura tajjeb għall-kowċ Arne Slot li issa jista’ jħares biex l-istaġun li ġej ikompli bil-kbir hekk kif jidher li t-tim ta’ Anfield se jkunu nkurunati champions Ingliżi għall-20 darba.
Slot qed jittama li wara dan il-kuntratt ikun ukoll assigurat Virgil van Dijk li din il-ġimgħa qal li kellu taħditiet pożittivi mal-ġerarkija ta’ Anfield.
Mo Salah kien ingħaqad ma’ Liverpool fl-2017, u d-deċiżjoni tiegħu tikkontradixxi dak li kien qal aktar kmieni fl-istaġun meta irrimarka li kien qed iqis dan bħala l-aħħar staġun tiegħu mat-tim ta’ Merseyside.