Konsorzju magħmul minn inġiniera u produtturi Maltin żviluppaw sistema ta’ dawl għal faċilitajiet sportivi li mhux biss hija kummerċjali vijabbli iżda qed tiffranka sa ħamsa u sittin fil-mija tal-konsum tal-elettriku.
Il-proġett mifrux fuq medda ta’ tliet snin sar b’investiment ta’ €250,000 mill-programm ta’ riċerka ‘Fusion’ li mmexxi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
Is-sistema magħrufa bħala INNOVLED diġà qed jintuża biex idawwal il-grawnd tal-futbol ta’ Ħal Kirkop.
L-inġinier Matthew Spiteri spjega ma’ ONE NEWS il-ħidma wara dan il-proġett. Qal li din is-sistema mhix biss waħda aktar sostenibbli, iżda tista’ tiġi kkontrollata wkoll permezz tal-internet.
“Zviluppajna lighting unit magħmula mil-led lighting. Jiġifieri hija sostenibbli ħabal enerġija u l-applikazzjoni tagħha huma venues kumplessi sportivi,” spjega l-Inġinier Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isports Clifton Grima saħaq li Sport Malta kkollaborat bis-sħiħ mal-kumpanija Altern sabiex jiġi mmanifatturat dan id-dawl innovativ.
“L-għan tagħna huwa propju li naħdmu id f’id sabiex dawn il-faċilitajiet sportivi, l-infrastruttura sportiva ta’ pajjiżna tkompli togħla fil-livell u fuq kollox tkun waħda attraenti anke għat-turiżmu sportiv,” saħaq is-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni, Silvio Schembri qal li huwa pożittiv li tara konsorzju ffurmat minn esperti Maltin li ħolqu prodott Made in Malta li mhux biss ekonomikament vijabbli iżda wkoll sostennibli.
“Dan huwa l-mod kif irridu naħdmu, mhux biss nippromovu xjentisti maltin, pero imbgħad noħolqu prodott ħalli nkunu nistgħu nesportawħ barra minn pajjiżna,” huwa qal.