Ġie mniedi l-Malta Youth Film Festival (MYFF) li se jkun organizzat mill-Malta Film Foundation, l-Aġenzija Żgħażagħ u s-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat. Il-festival se jifforma parti mill-programm artistiku tal-Malta Film Foundation appoġġjat mill-Cultural Partnership Agreement permezz ta’ Arts Council Malta. Il-festival huwa appoġġjat ukoll mill-Malta Film Commission.
Il-Malta Youth Film Festival huwa mmirat għal żgħażagħ li qed jaspiraw li jkunu produtturi tal-films. Dan se jkun miżjud mal-proġetti l-oħra li Aġenzija Żgħażagħ bħalissa qed torganizza fl-arti, drama, letteratura, informazzjoni, mobilità u oqsma oħra. Il-Malta Film Foundation se tkun qed tipprovdi l-kompetenza teknika tagħha f’termini ta’ film making. L-irwol tal-Aġenzija Żgħażagħ hu li tiżgura li ż-żgħażagħ ikunu infurmati dwar din l-opportunità biex iwieġbu l-mistoqsijiet tagħhom dwaru, biex jinkoraġġixxu lil dawk li jiddubitaw il-kwalità tax-xogħol tagħhom, biex imexxu sessjonijiet ta’ informazzjoni għal dawk li huma interessati li jieħdu sehem, u biex tpoġġihom f’kuntatt ma’ youth worker biex jipprovdu inkoraġġiment tul it-triq.
Permezz tal-programm ta’ ‘Youth Empowerment’, Aġenzija Żgħażagħ tipprovdi opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jisfruttaw it-talenti tagħhom permezz tal-ħolqien ta’ spazji fejn jistgħu jipparteċipaw u jagħmlu dak li jixtiequ. Dawn il-proġetti edukattivi mhux formali huma wkoll maħsuba biex jinkoraġġixxu lil żgħażagħ oħra biex jipparteċipaw. Permezz tal-parteċipazzjoni, iż-żgħażagħ huma introdotti fl-aspett soċjali taż-żgħażagħ u kif ix-xogħol tagħhom jagħtihom is-setgħa u fl-istess ħin jinfluwenzaw lil oħrajn.
Se jkun hemm ukoll sessjonijiet ta’ evalwazzjoni wara l-festival sabiex iż-żgħażagħ li jieħdu sehem ikunu jistgħu jifhmu kif jistgħu jaħdmu aħjar għall-okkażjonijiet li jmiss, u kif il-parteċipazzjoni tagħhom f’festival wieħed isservi biex twitti t-triq għal aktar kompetizzjonijiet. L-element kompetittiv huwa maħsub biex iservi bħala inċentiv biex wieħed jipparteċipa, iżda permezz ta’ Aġenzija Żgħażagħ bħala kollaboraturi, l-element tax-xogħol taż-żgħażagħ se jkun inkluż ukoll. Iż-żgħażagħ se jkunu megħjuna japprezzaw il-proċess u mhux biss ir-riżultat finali miksub.
Din il-kompetizzjoni hija miftuħa għal żgħażagħ bejn 16 u 30 sena u d-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet hija l-Erbgħa 6 ta’ April 2018, biex b’hekk iż-żgħażagħ ikollhom biżżejjed żmien biex jippreparaw. Il-lejl tal-premjijiet se jsir fid-29 ta’ April 2018. Linji gwida għall-parteċipazzjoni, il-formola tal-applikazzjoni, u l-formola tal-kunsens jinsabu online fuq is-sit elettroniku ta’ Aġenzija Żgħażagħ, kif ukoll fuq is-sit tal-Malta Film Foundation.