L-Ewroparlamentari Marlene Mizzi hija l-ewwel MEP Maltija li ġiet maħtura bħala Ambaxxatriċi għall-Programm Erasmus for Young Entrepreneurs 2016-2017.
Il-programm huwa skema ta’ mobbilità mifruxa madwar l-Ewropa u l-fruntieri tagħha għal intraprendituri li tipprovdi ċans għal intraprendituri ġodda jew aspiranti biex japplikaw għal taħriġ f’intrapriżi żgħar jew medji ta’ kollegi tagħhom minn pajjiżi parteċipanti oħra.
“Ninsab onorata li sirt ambaxxatriċi parti min-network tal-MEPs li huwa nkarigat mis-sapport u l-promozzjoni tal-Programm Erasmus for Young Entrepreneurs. Il-kariga tiegħi bħala ambaxxatriċi se tkun li ntejjeb il-viżibilità tal-programm fl-Ewropa u nippromwovi l-ispirtu imprenditorjali” qalet l-MEP Mizzi.
“Il-programm jipprovdi opportunita’ unika għal intraprendituri mwaqqfa dan l-aħħar li jsiefru, għal perijodu ta’ bejn xahar u sitt xhur, sabiex jikkollaboraw ma’ intraprendituri oħra ta’ suċċess u esperjenza ikbar u biex jiżviluppaw ħiliet u kompetenzi imprezzabbli għan-negozji ġodda jew futuri tagħhom,” qalet l-MEP Mizzi meta ddeskriviet il-vantaġġi tal-programm.
L-Ewroparlamentari Marlene Mizzi, imprenditura hija wkoll, qalet: “Il-ħolqien ta’ għarfien dwar din l-inizzjattiva f’Malta hija mportanti ferm, peress li s’issa għad m’hemm l-ebda organizzazzjoni intermedjarja li tista’ tipprovdi nformazzjoni u assistenza lil intraprendituri dwar kif jista’ jintuża l-programm u x’inhuma l-kundizzjonijiet fl-Istati Membri differenti, inkluża Malta”
Fis-seba’ snin minn meta nbeda, il-programm kien ta’ suċċess enormi billi għen iktar minn 13,000 parteċipant madwar l-Ewropa. Numru ta’ proġetti ta’ suċċess ta’ intraprendituri Maltin li għadhom jibdew, kif ukoll intraprendituri li lestew il-programm barra minn xtuthom kienu riżultati pożittivi ferm għall-kumpaniji tagħna. “Madankollu, jien nemmen ukoll li kumpaniji Maltin jistgħu jwasslu livell ta’ esperjenzi mprezzabbli fil-bdil ta’ esperjenzi ma’ kumpaniji barranin li jixtiequ jiġu Malta,” sostniet l-Ewroparlamentari Mizzi.