Miżżewweġ, missier ta’ żewġ subien u nannu ta’ tnejn. Jesmond Schembri hu mill-Parroċċa Griega-Kattolika ta’ Sidtna Marija ta’ Damasku, il-Belt Valletta, u se jkun ordinat djaknu ġdid fil-parroċċa Griega-Kattolika f’Malta minn nhar il-Ħadd li ġej.
L-ordinazzjoni djakonali tas-suddjaknu se ssir bil-barka tal-Arċisqof Charles Scicluna u bit-tqegħid tal-idejn ta’ Mons. Manuel Nin O.S.B., Eżarka Appostoliku tal-Greċja u Isqof Titulari ta’ Carcabia.
Il-quddiesa tal-ordinazzjoni se ssir fil-Knisja ta’ San Nikola ta’ Mira (Tal-Erwieħ), il-Belt Valletta fid-9.00 a.m.
Fost l-irwoli ewlenin tad-djaknu hemm li jassisti lill-isqof jew lis-saċerdot fis-santwarju madwar l-artal u mal-miġegħma fejn imexxihom fit-talb tagħhom.
Il-Knisja Griega-Kattolika tagħmel parti mill-Knisja Kattolika li hija magħmula minn 23 Knisja differenti, li iżda lkoll huma f’komunjoni ma’ xulxin u mal-Papa ta’ Ruma.
Dawn il-knejjes għandhom tradizzjonijiet u riti differenti. Filwaqt li l-maġġoranza l-kbira tal-Kattoliċi jħaddnu r-Rit Latin tal-Knisja Kattolika Rumana, riti oħra jinkludu dak Biżantin, li hu r-rit tal-komunità Griega-Kattolika ta’ Malta.