Il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali qed jaħdem b’mod diliġenti biex jindirizza l-isfidi u t-tħassib fis-settur agrikolu vis-à-vis il-kriżi Coronavirus li għaddejja bħalissa, speċifikament fir-rigward tal-operat f’faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-ikel bħalma huma l-Pitkalija, il-Pixkerija u l-Biċċerija Pubblika. Dawn il-faċilitajiet jipprovdu servizzi essenzjali għall-komunità lokali peress li jiggarantixxu l-provvista lokali u s-sigurtà tal-ikel. Is-sigurtà tal-ikel f’komunità tista’ teżisti biss jekk il-komunità jkollha aċċess kemm fiżiku kif ukoll ekonomiku għal ikel suffiċjenti minn sorsi affidabbli, u b’hekk tissodisfa l-bżonnijiet tad-dieta individwali għal stil ta’ ħajja produttiva u b’saħħitha f’kull ħin.
Il-Gvern jirrikonoxxi l-importanza tas-settur agrikolu fit-twettiq tar-rwol kruċjali u essenzjali fil-komunità matul dan iż-żmien ħażin, u l-impatt li Coronavirus jista’ jkollu fuq is-sigurtà tal-ikel. Il-promozzjoni tal-abilità tal-ħaddiema tagħna fi ħdan din l-industrija biex ikomplu jaħdmu matul dan il-perjodu ta’ restrizzjonijiet fil-komunità, distanza soċjali, ordnijiet ta’ għeluq fost miżuri oħra, hija kruċjali għall-kontinwità u r-reżiljenza tal-komunità. Min-naħa l-oħra, il-konsumaturi għandhom kull dritt jistennew li l-ikel li jixtru joriġina minn ambjent ta’ kwalità għolja, affidabbli u sigur. Għalhekk, dan il-Ministeru qed jagħmel ħiltu biex jaċċerta li l-faċilitajiet kollha msemmija hawn fuq jissodisfaw bis-sħiħ dawn l-istandards.
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali qiegħed jinforma li diversi miżuri ta’ prekawzjoni fil-Pitkalija, fil-Pixkerija u fil-Biċċerija Pubblika ġew introdotti biex jissalvagwardjaw dawn il-binjiet u l-operat tagħhom waqt il-kriżi tal-Coronavirus. Dawn il-miżuri ta’ prekawzjoni jinvolvu aċċess limitat biex jitrażżan kwalunkwe riskju potenzjali assoċjat; screening u teħid ta’ temperatura fil-punt tad-dħul; prattiċi u proċeduri sanitarji mtejba bħalma huma sanitizzaturi tal-idejn u sistema tal-ħasil u sprejjar tar-roti b’soluzzjoni diżinfettanti; adegwatezza ta’ tagħmir u apparat sanitarju. Barra minn hekk, proġett pilota għas-servizz ta’ konsenja online mill-Pitkalija qed jiġi ppjanat, u se jkun implimentat dalwaqt.
F’dawn iż-żminijiet kritiċi, il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali ser jibqa’ jissorvelja, jirregola u jimplimenta kif meħtieġ biex jitħarsu bis-sħiħ dawn is-servizzi vitali tal-immaniġġjar tal-ikel, u biex jipprovdi serħan il-moħħ kemm lill-operaturi kif ukoll lill-konsumaturi bl-istess mod.