L-awtoritajiet fl-Isptar Mater Dei qed jieħdu prekawzjonijiet u miżuri stretti biex jilqgħu għal tifqiegħa ta’ mikrobu li żviluppa f’waħda mis-swali mediċinali.
Il-mikrobu huwa Vancomycin Resistant Enterococcus – VRE. Mikrobu reżistenti li t-trattament għalih huwa aktar ikkumplikat.
Il-Kap tat-Taqsima tal-Infezzjonijiet f’Mater Dei, il-Professur Michael Borg, qal li dan il-mikrobu huwa komuni f’ċertu sptarijiet f’Londra, u l-ħsieb hu li s-sors inizzjali tal-mikrobu f’Mater Dei kien pazjent li ġabu miegħu mill-Ingilterra.
“Il-mikrobu nnifsu huwa mikrobu li nsibuh fil-musrana u meta nsibuh fil-musrana ma jagħmel l-ebda sintomi. Dak li jkun ma jkunx marid, ikun sempliċiment carrier tiegħu imma l-problema tiegħu hija li mill-musrana jista’ jidħol f’organi oħrajn. Per eżempju jista’ jidħol fil-bużżieqa tal-awrina u jagħti infezzjoni tal-pipi, jista’ jidħol fid-demm u jagħti infezzjoni tad-demm u hemmhekk is-sitwazzjoni tkun iktar serja.”
Il-proċedura f’dan il-każ hija li jiġu ttestjati pazjenti oħra li kienu fl-istess kamra u sala ma’ dan il-pazjent. Filfatt, fl-aħħar sigħat instab li sitt pazjenti oħra qed iġorru l-istess mikrobu.
Il-Professur Borg tenna li huwa biss il-pazjent li ġab il-mikrobu li għandu infezzjoni, u qed jingħata l-kura għaliha permezz tal-antibijotiċi. L-oħrajn huma carriers – u l-aħjar kura għalihom hija dik li jmorru d-dar kemm jista’ jkun malajr.
“L-importanti li lil dawn il-pazjenti nibagħtuhom id-dar. Għaliex? Mhux biex neħilsu minnhom, assolutament, imma meta int tmur id-dar, il-mikrobi tal-imsaren jinbidlu għal dawk fl-ambjent li qiegħed fih. Fid-dar m’hemmx mikrobi reżisteni. Tgħidli imma ma jkunx hemm nies oħrajn? Mhix problema. Il-problema tal-VRE, tas-CRE, tal-MRSA, tapplika ġo l-isptar għax għandek pazjenti li huma at risk.”
Hekk kif ġiet dikjarata tifqiegħa, l-Isptar Mater Dei aġixxa f’tebqa t’għajn biex il-mikrobu ma jinxteridx. Fost l-oħrajn qed jintuża diżinfettant qawwi li ma jintużax fuq bażi regolari. Qed tintuża wkoll sistema ta’ fogging – fejn kamra timtela’ bil-foga permezz ta’ disinfettant. Minbarra tindif aktar intensiv, qed jittieħdu wkoll prekawzjonijiet aktar intensivi mill-impjegati.
Il-Professur appella biex ħadd ma jallarma ruħu, iżda saħaq li kull persuna li tidħol f’Mater Dei, illum aktar minn qatt qabel, toqgħod attenta u taġixxi b’ċertu etikett.
Fost l-oħrajn ħadd m’għandu jpoġġi fuq l-istess sodda tal-pazjent, u kulħadd juża l-alcohol rub li jinsab f’kull kamra u sala tal-Isptar, qabel jidħol u joħroġ mill-isptar.