Waqt li ġew diskussi l-estimi għall-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, immexxi minnha, il-Ministru Julia Farrugia qalet kif proġetti u inizjattivi mill-entitajiet rispettivi taħt l-istess dekasteru huma xhieda ta’ kif il-Gvern qed jaħseb u jgħin lin-nies, irrispettivament mill-abbiltajiet ta’ dak li jkun.
Qalet kif il-Baġit għas-sena d-dieħla, b’miżuri soċjali b’saħħithom, qed jilħaq lil kulħadd, b’mod speċjali persuni b’diżabilità u l-ħarsien tad-drittijiet tagħhom.
Il-Ministru semmiet kif il-Gvern se jinvesti €1.3 miljun biex, fost oħrajn, ir-Richmond Foundation tmexxi programm speċjalizzat għal persuni b’diżabilità intellettwali f’respites apposta. Ma’ dawn hemm ukoll żewġ proġetti oħrajn, li jinkludu ċentru għaż-żgħażagħ u ċentru ta’ matul il-jum speċjalizzat għal anzjani b’diżabilità, b’investiment ta’ €5 miljun.
Issemmew diversi riformi, li diġà ħallew impatt, b’waħda minnhom tkun tal-assistent personali, fejn wara biss sentejn, 422 persuna qed igawdu minn dan is-servizz, anke bil-ftuħ tal-Community Hub Ġirasol fir-Rabat u Dar Ħolqa.
Il-Ministru rrimarkat kif dan il-baġit qed ikompli fuq dak ta’ qablu, fosthom bl-ogħla żieda li qatt ingħatat lill-persuni b’diżabbiltà, lill-carers tagħhom, li issa se jitwessa’ lil ġenituri ta’ tfal taħt is-16-il sena b’kundizzjoni severa wkoll.
B’dak kollu li sar, fl-inklużjoni u l-volontarjat, diġà twettaq 84% tal-wegħdi fil-manifest elettorali.
“Aħna wasalna għal dan kollu f’inqas minn sentejn, għandna pajjiżi, bħas-Slovakkja, meta nħarsu lejn it-traġitt tagħhom, dak li għamilna aħna fl-ewwel sentejn, huma ħadu għaxar snin. U allura għad li pajjiż ċkejken, dawn it-tip ta’ kisbiet irridu nirrikonoxxuhom.”
Il-Ministru Julia Farrugia
Dwar il-ħidma fis-settur tal-volontarjat, il-Ministru qalet li bħalissa hawn 1,892 NGO, b’kull voluntier appoġġjat bl-aħjar mod possibbli. Dan anke bit-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika fil-bidu tas-sena bil-għan li s-settur jissaħħaħ u jkollu l-għodda meħtieġa biex ikun jista’ jiffunzjona kif suppost.
Intqal kif din hi katina u, għalhekk, tibdil neċessarju jrid jiġi mplimentat bil-mod, waqt li qed isiru wkoll il-one-stop-shops u t-twaqqif tal-Bank ta’ Volontarjat.