Yasmin Hamilton, omm ta’ tnejn u tletin sena, qasmet l-esperjenza tagħha u tkellmet dwar l-inizjattivi mill-Gvern biex jgħin il-familji Maltin u Għawdxin.
Fid-diskors tagħha, fl-Għeluq il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista, Yasmin qalet li, sa minn ta’ età żgħira, kienet toħlom li ssir omm u li xi darba jkollha l-familja tagħha, iżda, sakemm seħħ dan, kellha tiffaċċja diversi diffikultajiet, inkluż korrimenti.
Minkejja dan, ir-rieda u l-insistenza tagħha biex issir omm ħeġġewha tirrikorri għat-trattament mediku professjonali.
Hi faħħret il-miżura mħabbra fl-aħħar jiem mill-Gvern, dik tal-Miscarriage Leave, fejn qed jiġi propost li mara, li tkun għadha kemm tilfet it-tarbija fil-ġuf tagħha, tkun intitolata għal leave, li jgħinha tirkupra fiżikament u mentalment.
“Meta smajt li dan il-Gvern ħass il-bżonn li jindirizza din il-weġgħa li jgħaddu nisa, bħali, u għaraf il-bżonn li jiġi introdott il-Miscarriage Leave, ħadt gost li hawn min qed jagħti widen u sema’ l-karba ta’ dawk l-ommijiet u l-missirijiet li jkollhom bżonn ftit jiem biex jirkupraw. Għedt, fl-aħħar, nisa bħali mhux se jibqgħu jħossuhom waħedhom f’ċirkostanzi bħal dawn. Gvern Laburista qed ikun sensittiv għal min jeħtieg l-għajnuna, l-appoġġ u ħin xieraq sakemm tittaffa l-weġgħa.”
Hi tkellmet ukoll fuq miżura oħra tal-Gvern, dik li ħabbar il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, din il-ġimgħa, jiġifieri li, fil-jiem li ġejjin, se tiftaħ taqsima ġdida tal-maternità fl-Isptar Mater Dei.
“Dan il-Gvern ma waqafx hemm, qed jagħraf l-uġigħ tal-mara li, wara l-korriment, ma tibqax taqsam il-kamra fl-Isptar ma’ mara li qed tistenna biex twelled jew inkella li saret omm. Ħadt gost nisma’ bil-ward speċjali għal nisa, li jgħaddu mill-korrimenti. B’hekk il-mara se tkun tista’ tirkupra b’inqas uġigħ u għafsa ta’ qalb.”
Sadanittant fakkret fil-ħemel ta’ miżuri, li bbenefikaw minnhom għexieren ta’ familji Maltin fl-aħħar 12 il-sena, grazzi għall-politika għaqlija u sensittiva tal-Gvern Laburista.
Kelliema oħra fil-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista kienet Lisa Cassar Shaw, imprenditriċi u lecturer fl-Università.
Waqt li tenniet kemm hu importanti li jissokta l-appoġġ lill-Partit Laburista fil-Gvern, għax dejjem indirizza l-problemi soċjali, Cassar Shaw saħqet dwar l-importanza tal-prinċipji Soċjalisti u li l-Partit jibqa’ jiġġedded minn żmien għal żmien.
Hi rringrazzjat lill-Prim Ministru Robert Abela, li qed iwettaq biċ-ċar tali prinċipji għall-ġid tas-soċjetà.
“Robert Abela l-Mexxej li kompla jagħtina Partit b’saħħtu u pajjiż b’saħħtu fil-mument tal-prova u li jagħmilna kburin li aħna Soċjalisti Demokratici. B’qalbna tħabbat għal kulħadd”.