B’referenza għat-tmexxija tal-kunsilli lokali fid-dawl tal-azzjonijiet li qegħdin jittieħdu kontra l-imxija tal-Coronavirus, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, Arti u l-Gvern Lokali qiegħed fiċ-ċirkostanzi preżenti joħroġ direttiva sabiex tiggwida lill-kunsilli lokali kif għandhom jimxu l-laqgħat statutorji. Dan sabiex il-kunsilli lokali jibqgħu joffru s-servizz tagħhom lill-pubbliku, filwaqt li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi salvagwardjata s-saħħa tal-kunsilliera, il-ħaddiema tagħhom u l-pubbliku ġenerali.
Id-direttiva tistipula illi:
- Peress li Artiklu 70 jistipula li trid issir laqgħa annwali sa mhux aktar tard mill-15 ta’ April, u minħabba li din il-laqgħa hija miftuħa għall-pubbliku u fid-dawl taċ-ċirkostanzi preżenti, il-kunsilli lokali jistgħu jipposponu tali laqgħa b’mod indefinit. Madankollu, ir-rapport amministrattiv, ir-rapporti finanzjarji u l-pjan ta’ ħidma għandhom xorta waħda jiġu preparati mill-kunsill u ppubblikati online sad-data li tistipula l-liġi.
- Peress li Artiklu 43 jistipula meta għandhom isiru l-laqgħat tal-kunsill lokali (darba fix-xahar) u f’liem ħin għandhom isiru il-laqgħat, fid-dawl taċ-ċirkostanzi preżenti mhux ser jibqa’ mandatorju li l-laqgħat isiru fil-ħin li tistipula l-liġi, iżda jistgħu jsiru fil-ħinijiet hekk maqbul mill-maġġoranza tal-kunsilliera lokali u sakemm ikun hemm kworum biex il-laqgħa ssir.
- Peress li Artiklu 44 jistipula illi l-laqgħat ikunu miftuħa għall-pubbliku, imxandra u miżmuma on-demand, kif ukoll Artiklu 48(3) jistipula li laqgħa tal-kunsill trid issir fl-uffiċċju amministrattiv tal-kunsill, fid-dawl taċ-ċirkostanzi preżenti mhux ser ikun mandatorju li l-laqgħa tkun imxandra (live-streamed) u miżmuma on-demand. Madankollu, huwa mħeġġeġ li fejn hu possibbli din il-faċilità tingħata. Apparti dan, il-laqgħa ma għandix tkun miftuħa għall-pubbliku biss. Il-gvernijiet lokali għandhom, permezz ta’ mezzi alternattivi inkluż il-mezzi soċjali, jikkomunika kwalunkwe deċiżjonijiet importanti. Id-direttiva qiegħda tistipula li m’għadhiex mandatorja li l-laqgħa ssir fl-uffiċċju amministrattiv tal-kunsill, u tista’ ssir kif jaqbel lill-kunsill, inkluż li tista’ ssir b’xi mezz online.
- Peress li Ordni Permanenti 5 tistipula l-ordni tax-xogħol fil-laqgħat, fid-dawl taċ-ċirkostanzi preżenti u sabiex il-laqgħa kemm jista’ jkun ma tiħux fit-tul, mhux ser ikun mandatorju li tiġi segwita din l-ordni, iżda huwa importanti illi jiġu diskussi dawk il-materji ta’ natura urġenti jew essenzjali bħalma huma l-iskeda ta’ pagamenti.
- Sabiex il-kunsill lokali jkun qiegħed joffri l-aħjar servizz liċ-ċittadin, is-segretarji eżekuttivi għandhom jaraw illi, għalkemm huwa mifhum li jista’ ikun hemm nuqqas ta’ staff, xorta waħda l-uffiċini għandhom jibqgħu miftuħa bl-aħjar mod possibbli.
Din id-Direttiva għandha tibqa’ fis-seħħ sakemm tiġi revokata jew emendata b’direttiva suċċessiva.