Quddiem numru t’akkademiċi u studenti fl-Università ta’ St. Andrews fl-Iskozja, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar l-politika ekonomika progressiva ta’ Malta.
Spjega kif din wittiet it-triq għal tkabbir ekonomiku u ħarsien soċjali.
Fl-Iskozja, il-Prim Ministru rrimarka għall-fatt li l-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu tkellmu b’vuċi qawwija dwar l-ekonomija b’saħħitha ta’ Malta.
Spjega kif f’dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern ħa diversi miżuri biex kattar ix-xogħol u l-investiment f’pajjiżna.
Fost dawn semma ċ-childcare b’xejn u l-mod kif min kien dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali u jsib xogħol jibdew jitnaqqsulu gradwalment.
Il-Prim Ministru spjega li l-politika t’awsterità li diversi Gvernijiet Ewropej oħra addottaw qed twassal biex jikbru movimenti populisti. Dawn il-movimenti jistgħu jidhru sbieħ fost anki ż-żgħażagħ.
F’dan il-kuntest il-Prim Ministru rrefera wkoll għal liġi li pajjiżna jinsab jiddiskuti dwar li l-eta tal-vot tinżel għal sittax-il sena.
Huwa spjega li bħall-Iskozja, pajjiżna mistenni jiddeċiedi li ż-żgħażagħ Maltin ikunu parti mill-proċess demokratiku.
Tul id-diskors tiegħu, Joseph Muscat tkellem fl-isfond li r-Renju Unit u Malta għandhom rabta storika, anki għax pajjiżna kien kolonja tal-Gran Brittanja għal seklu u nofs.