Ġie fi tmiemu l-proċess ta’ stampar tal-ewwel lott ta’ karta sigura li se tintuża għall-passport Malti l-ġdid.
Pass li jfisser li aktar tard din is-sena, iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin se jkollhom passaport ġdid fost l-aktar avvanzati.
Ħabbret dan is-segretarju parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi, Julia Farrugia Portelli waqt żjara li għamlet fl-uffiċċju ewlieni tal-kumpanija De La Rue f’Basingstoke u l-fabbrika li tipproduċi l-karta, Portals De La Rue, f’Bathford ir-Renju Unit.
Hija fissret kif il-passaport Malti l-ġdid se jiġbor fih tliet elementi ferm għal qalb il-poplu Malti: il-kultura, l-identità u l-ivjaġġar.
Farrugia Portelli qalet li “Il-passaporti se jinbidlu ftit ftit hekk kif kull passaport jidhol ghad-data tal-iskadenza tieghu. L-elementi l-godda – ta’ sigurta, l-elementi kulturali li jirraprezentaw u jghaqdu lill-maltin, se jkunu prezenti fil-passaport il-gdid.”
Din il-bidla gradwali hija ppjanata li tibda aktar tard din is-sena u meta wieħed imur biex jagħmel, jew iġedded il-passaport tiegħu, se jinħariġlu wieħed ġdid mingħajr ebda ħlas miżjud. Bil-passaporti eżistenti se jibqgħu validi sal-iskadenza tagħhom.
Minkejja l-fatt li l-passaport Malti huwa diġà sigur u konformi mal-ogħla standards internazzjonali, dak ġdid se jkollu elementi oħra ta’ sigurtà li se jagħmluh wisq aktar diffiċli biex jiġi tiffalsifika, kif spjegaw id-Direttur f’Portals De La Rue Andrew Nash, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Anton Sevasta.
Il-paġni ta’ ġewwa tal-passaport il-ġdid se jkollhom disinji u xeni li juru l-identità kulturali tagħna u l-wirt patrimonju Malti stampati b’linka speċjali – element ieħor ta’ sigurtà li jservi ta’ prevenzjoni kontra l-iffalsifikar tal-istess dokument.
Barra minn hekk, intqal ukoll kif wara numru ta’ diskussjonijiet mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà u mal-Foundation for Information Technology Accessibility, Identity Malta se tagħmilha possibbli sabiex persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużaw il-passaport tagħhom bl-aktar mod ħieles u indipedenti.