Minn Mejju li ġej f’Malta u fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea se jkunu qed jiddaħħlu miżuri ġodda fir-rigward ta’ kull apparat mediku li jintuża fl-isptarijiet biex tkun assigurata aktar saħħet il-pazjent. Dan se jkun jista’ jsir b’riżultat ta’ xogħol li sar f’dan ir-rigward tul il-presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea fl-2017. Il-miżuri jkopru l-iskrutinju tal-produzzjoni ta’ kull apparat mediku li jintuża fuq il-pazjenti bl-istess rigorżità li tintuża fuq il-mediċini nfushom.
Għal dan il-għan, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ressaq għad-diskussjoni fil-Parlament Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-att dwar il-mediċini. L-għanijiet u r-raġunijiet ta’ dan l-abbozz huma sabiex tingħata s-setgħa lill-Ministru għas-Saħħa biex jippreskrivi regolamenti li għandhom x’jaqsmu ma’ tagħmir mediku u s-setgħa sabiex jinħarġu regolamenti biex jistabbilixxu r-reati u l-pieni.
Id-Deputat Prim Ministru qal li hemm regolamenti stretti ħafna u kif inhu xieraq fejn jirrigwarda l-produzzjoni ta’ mediċini. Regolamenti li jagħmluha possibbli li jkun magħruf kif oriġina l-prodott, x’inhuma l-ingredjenti u li jkunu segwiti l-istadji kollha tal-produzzjoni sakemm il-mediċina partikolari tkun awtorizzata biex tidħol fis-suq. Dan isir biex tkun imħarsa saħħet il-pazjent u jkun magħruf eżattament x’qed jingħata l-pazjent. Hija sistema li taċċerta l-livelli għoljin tal-mediċini.
Id-Deputat Prim Ministru żied jgħid li apparti l-mediċini jeżisti wkoll tagħmir li jintuża għal skopijiet ta’ mediċina, tagħmir ta’ kull xorta li jintuża f’ħidmet il-professjonisti tas-saħħa, apparti affarijiet li jitpoġġew f’ġisem il-pazjent. Dawn it-tip ta’ prodotti s’issa mhumiex regolati bl-istess regoli u livelli li huma regolati l-mediċini nfushom. Fakkar li snin ilu kien hemm każ partikolari, inplant tas-sider, li sar magħruf li parti minnu beda jagħmel ħsara lill-persuni konċernati u rriżulta li ma kienx magħruf eżattament minn fejn oriġina dan l-inplant. Id-dokumentazzjoni ma kinitx daqstant rigoruża daqskemm kienet fejn tidħol mediċina.
Il-Ministru Fearne qa li matul il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea sar xogħol li jaħseb biex anke l-prodotti u t-tagħmir mediku għandhom ikollhom regoli u standards għoljin daqs kemm għandhom il-mediċini, u dawn ikunu jkopru lill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. B’riżultat ta’ dan ix-xogħol l-ewwel sett ta’ regolamenti jidħlu fis-seħħ f’Mejju li ġej u fis-sentejn ta’ wara jidħlu fis-seħħ sett ta’ regolamenti oħrajn.
Sal-lum f’pajjiżna fejn jirrigwarda mediċini hemm l-Awtorità tal-Mediċini li tikkontrolla u tirregola, imma fejn jidħol apparat mediku, dan jaqa’ taħt l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA). Id-Deputat Prim Ministru qal li l-gvern jidhirlu li tali sitwazzjoni m’għandhiex tibqa’ u din ir-responsabbiltà tkun taqa’ taħt l-Awtorità tal-Mediċini. B’riżultat ta’ din il-liġi, se nkunu f’pożizzjoni li mhux biss inkunu nistgħu nivverifikaw x’ikun ġej minn barra minn Malta imma nkunu aħna wkoll f’pożizzjoni li nawtorizzaw prodotti mediċinali u tagħmir mediku li jidħlu Malta u allura fl-Ewropa. Inkunu nistgħu nivverifikaw dak kollu konness mal-produzzjoni skont regoli stipulati.
Id-Deputat Prim Ministru qal li dan hu xogħol li se jħalli wkoll introjtu mhux biss lill-Awtroità tal-Mediċini imma wkoll lill-pajjiż. Bħalma jsir fuq il-mediċini, l-Awtorità tal-Mediċini se tkun tista’ tagħmel ukoll xogħol ta’ awtorizzazzjoni għal prodotti u għal tagħmir mediku biex jingħata liċenzja mhux biss f’Malta imma wkoll fl-Ewropa kollha.
Dr Fearne temm jgħid li dawn huma regolamenti li jagħtu serħan il-moħħ lill-pazjenti u lit-tobba kemm dwar il-mediċini kif ukoll dwar it-tagħmir mediku. Regolamenti li l-ksur tagħhom se jkun qed iġorr penali għoljin ħafna.