Il-baġit għas-sena d-dieħla huwa baġit b’saħħtu li juri rispett lejn il-ħaddiem, filwaqt li jsaħħaħ is-sostenibilità u l-kompetittività tal-pajjiż.
Hekk iddeskriva l-baġit għall-elfejn u għoxrin, il-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis, li f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Baġit 2020: Inkomplu Nikbru Flimkien”, elenka diversi proġetti u miżuri tal-Gvern maħsuba biex isaħħu l-ġlieda kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni.
Il-Ministru nnota li l-baġits ta’ Gvern Laburista wasslu biex mill-elfejn u tlettax sal-lum, tletin elf mara daħlu fid-dinja tax-xogħol.
Qal li l-baġit għas-sena d-dieħla huwa sostenibbli għax żamm dak li sar fl-elfejn u tlettax, u kompla jibni u jżid il-miżuri biex ikompli jtejjeb il-ħajja tan-nies.
Żied li f’dan il-baġit żdiedet bid-doppju l-allokazzjoni għall-integrazzjoni, u hemm impenn li jiġu eliminati l-abbużi filwaqt li jitħares l-interess nazzjonali.
“Baġit li huwa sostenibbli. Għalfejn? Għaliex żamm il-miżuri kollha ta’ qabel, ma mpona l-ebda taxxi, u allura jimlina b’kuraġġ mill-aspett ta’ kompetittività, ta’ sostenibilità, li Malta tkun ukoll b’saħħitha fl-Unjoni Ewropea ħalli tiġġieled l-isfidi li ġejjin: Brexit, il-baġit il-ġdid tal-Unjoni Ewropea, inkomplu naħdmu kif għamilna s’issa b’iktar determinazzjoni favur il-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jisfrutta l-potenzjal ta’ fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea billi jwettaq skemi u proġetti li jkomplu jtejbu l-ħajja tan-nies.
Skemi u proġetti li jikkumplimentaw wieħed mit-tliet għanijiet ewlenin tal-baġit għas-sena d-dieħla – is-sostenibbiltà.
Fost id-diversi skemi ġodda li hemm ppjanati għax-xhur li ġejjin, u li se jsiru b’fondi Ewropej, hemm dawk soċjali għal persuni b’diżabilità, ambjentali, u edukattivi.
“Ħabbarna diversi skemi, jew imħabbra fil-baġit jew li ġew rolled over għas-sena d-dieħla, li ħa jkomplu jagħmlu l-baġit aqwa milli diġà hu, fosthom skemi tal-endevour, skemi għal negozji u intrapriżi żgħar, skemi għall-impjiegi biex iktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dawn kollha jfissru li over and above dak li tħabbar fil-baġit li għadda hemm skemi u proġetti b’fondi Ewropej li jikkumplimentaw jew iżidu mal-miżuri diġà mħabbra.”