Madwar l-Ewropa qed jiżdied il-qbil dwar miżuri kontra l-kompetizzjoni fil-politika ta’ tassazzjoni bejn l-istati membri tal-UE biex tkun skoraġġuta l-evażjoni tat-taxxa. Dan qalu Alfred Sant meta tkellem dwar l-isfidi li se jkollha Malta fix-xhur u s-snin u ġejjin waqt diskussjoni dwar it-tmexxija taż-żona Ewro f’Dar l-Ewropa fil-Belt Valletta.
“Dan żgur mhux se jkun fl-interess ta’ stati membri żgħar bħall-Irlanda u bħal Malta li sa issa għandhom kontroll fuq is-sovranita` fil-politika ta’ tassazzjoni. Il-kompetizzjoni fil-politika ta’ tassazzjoni hija l-unika għodda ta’ pajjiżi żgħar bħal tagħna biex ipattu għall-iżvantaġġi li għandhom vis-a-vis stati membri kbar tal-kontinent Ewropew bħall-Ġermanja u Franza. L-akbar sfida ta’ Malta fix-xhur u fis-snin li ġejjin hija kif tirrikonċilja l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-evitar tat-taxxa mal-bżonn ta’ flessibilita` fit-tassazzjoni biex nibqgħu kompetittivi.”
Alfred Sant tkellem dwar l-inċertezza li hemm fir-Renju Unit dwar in-negozjati għall-ħruġ mill-UE.
“Ħadd ma jista’ jbassar x’se jsir fir-Renju Unit bħalissa. Iżda jekk ikun hemm ‘No Deal’ l-aktar li jistgħu jintlaqtu huma l-Irlanda, l-Olanda, Malta u l-Belġju.”
L-MEP Malti qal li fl-Ewropa bħalissa hemm żewġ kurrenti ta’ ħsieb politiku. Il-Ġermanja titkellem favur il-kunċett ta’ Ewropa federali b’regoli li jkunu jgħoddu għall-istati membri kollha l-istess. Hemm stati membri oħra li jinsistu li għandu jkollna Ewropa tan-nazzjonijiet. Fuq dan il-ħsieb qed jirkbu l-movimenti populisti, l-aktar fl-Italja u fi Franza, li qegħdin jinsistu li jkollna Ewropa tan-nazzjonijiet u mhux Ewropa federali. Dawn il-movimenti qed jikkuntrastaw mal-għajta tal-partiti politiċi tradizzjonali fl-Ewropa li qed jitkellmu favur il-kunċett ta’ Ewropa federali.
Dr Sant qal li l-akbar theddida għaż-żona ewro bħalissa ġejja mill-inkwiet soċjali fl-Ewropa li baqa’ jtektek u jitqal.