Id-deċiżjoni ta’ Fitch li ttella’ l-grad ta’ pajjiżna minn A għal A+, se tkun waħda li se tkompli ttejjeb il-qagħda ekonomika ta’pajjiżna.
Dan spjegah il-Prim Ministru Joseph Muscat f’kollegament telefoniku li għamel fuq One Radio. Hu saħaq li permezz tal-grad ogħla li rċieva pajjiżna, jinsab moħħu mistrieħ li fil-baġit li jmiss se jkunu jistgħu jiddaħħlu iktar miżuri, li lkoll se jtejbu l-kwalità t’għajxien tal-poplu Malti.
“Fil-kampanja elettorali għamilna numru ta’ proposti konċiżi u costed, u issa rridu nagħżlu numru minnhom, għax dawn ma tistax taqbad u ddaħħalhom kollha f’daqqa.. Bħalissa qed nagħżlu l-ewwel batch ta’ miżuri biex indaħħluhom fl-ewwel baġit fejn permezz ta’ dawn il-konfermi internazzjonali, ninsabu rasna iktar mistrieħa li dan il-batch ikun wieħed b’saħħtu, konsistenti, li nkunu nistgħu nintroduċuh għall-ħaddiema, għan-negozjanti u għaż-żgħażagħ maltin u għawdxin,” qal dan il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru żied jispjega li dan il-grad ogħli hu wieħed li jaffettwa wkoll l-investiment, minħabba li investituri barranin iħarsu lejn il-marka tal-eżami ta’ pajjiżna. Dan waqt li tenna li għad fadal ħafna riżultati pożittivi x’jinkisbu.
Hawn fakkar il-mod irresponsabbli li mexa bih il-Kap Caretaker tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qabel l-aħħar elezzjoni, fejn f’dibattitu partikolari qal li rċieva messaġġ mingħand kumpanija tal-gaming, li qaltlu li jekk jitla’ Gvern Laburista se tkun qed titlaq minn Malta. Mhux talli dan mhuwiex minnu, saħaq il-Prim Ministru, talli pajjiżna rċieva iktar applikazzjonijiet minn kumpaniji.
Fl-aħħar nett, wara l-kritika kontinwa li saret mill-Partit Nazzjonalista dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, il-Prim Ministru semma’ bi ftaħir il-fatt li l-financial times klassifikat il-proċess ta’ due diligence li tagħmel pajjiżna fir-rigward tal-IIP, bħala wieħed mill-iktar strett fid-dinja.