Tħabbru numru ta’ miżuri, bil-għan li jiffaċilitaw u jressqu aktar nisa lejn il-kunsilli lokali. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg.
Fost l-oħrajn, dawn ir-riformi jinkludu t-tneħħija tad-depożitu ta’ €90 li kull kandidat irid jagħmel mal-Kummissjoni Elettorali biex jikkontesta l-elezzjoni.
Ma’ din tingħaqad ukoll riċerka, li trid issir wara l-appuntament elettorali ta’ Ġunju li ġej, biex, fost l-oħrajn, tevalwa r-raġunijiet li qed iżommu lill-mara milli tieħu sehem attiv fil-kunsilli lokali.
Dawn ir-raġunijiet jistgħu jvarjaw, fosthom mill-ħinijiet tas-seduti tal-kunsilli, ir-responsabbiltajiet tal-familja u n-nuqqas ta’ riżorsi.
Dawn il-miżuri, saru minn kumitat tekniku, li wettaq stħarriġ dwar jekk għandux jiġi implimentat il-mekkanizmu korrettiv tal-ġeneru fl-elezzjonijiet lokali li ġejjin.
Il-kumitat irrakkomanda li dan m’għandux jiġi implimentat għalissa biex, fost l-oħrajn, jiġi analizzat l-impatt li dan kellu fl-elezzjonijiet Parlamentari.
Il-konklużjonijiet tal-kumitat ġew ippreżentati mill-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, Renee Laiviera.
“Il-Gvern għandu r-rwol tiegħu u l-partiti politiċi għandhom rwol importantissimu. Għandek l-NGOs u l-midja bir-rwol tagħhom. Il-Gvern irid jara li juri mpenn, għalhekk din il-konferenza, biex tħeġġeġ aktar nisa joħorġu bħala kandidati fil-kunsilli lokali.”
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li, bl-impenn tal-partijiet kollha, jista’ jsir aktar progress biex tonqos id-diskrepanza bejn il-ġeneri fir-rappreżentanza fil-kunsilli, filwaqt li d-diskrepanza diġà tinħass.
“Bħala Gvern impenjati bis-sħiħ li nassiguraw li naslu għal ugwaljanza f’kull settur, speċjalment fil-kunsilli lokali. Allura, se nkunu qed naħdmu bis-sħiħ biex nimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha li hemm, li ġew imħejjija mir-rapport tekniku, fosthom li nassiguraw li nagħmlu studju biex nifhmu eżatti għalfejn in-nisa jibqgħu lura milli jikkandidaw ruħhom, għax nafu li għandna ħafna potenzjal bħala nisa.”
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet kif, sakemm wieħed jirrafferma l-eżitu tal-mekkaniżmu korrettiv użat fl-Elezzjoni Ġenerali, il-Gvern se jimplimenta għadd ta’ miżuri oħrajn biex il-ġeneru femminili jkun aktar rappreżentat fil-kunsilli lokali wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej.
“Wara li kien Gvern Laburista li daħħal il-mekkaniżmu tal-ġeneru biex jibbilanċja ż-żewġ sessi fil-Parlament ta’ Malta u t-taskforce, imwaqqaf għamel dan l-istudju, fejn qed ngħidu li, għalkemm għadu kmieni biex naraw il-frott li jħalli dak il-mekkaniżmu, se nkunu qed nimplimentaw diversi miżuri biex naraw li l-mara tkun rappreżentata aħjar anke fuq bażi lokali.”