Il-mini pedonali f’Tal-Qroqq ġew ivvandalizzati wara li kien għadu kif sar investiment fil-manutenzjoni tas-sit li jgħaqqad bosta bnadi fiż-żona b’mod sigur.
Ftit tal-ġimgħat wara li dan ix-xogħol tlesta minn Transport Malta, saret ħsara lill-infrastruttura tal-post, bi tkissir ta’ mirja u graffiti mingħajr awtorizzazzjoni.
L-investiment ta’ madwar sebgħin elf ewro f’dan il-post inkluda tindif estensiv tal-mini, installazzjoni ta’ hand rails biex ikunu aktar aċċessibbli u sistemi ta’ dwal LEDs li joffru aktar sigurtà.
Kevin Brincat, uffċjal għoli fi ħdan Transport Malta, tenna li se jittieħdu aktar prekawzjonijiet biex il-mini pedonali jibqgħu jintużaw mingħajr deterrent.
Qal, “Ħa jkun hemm prekawzjoni u miżuri fis-seħħ biex kemm jista’ jkun niżguraw li ma jerġgħux jiġu repetuti u jkun hemm xi ħadd li jkun accountable għalihom. Ser issir installazzjoni ta’ CCTV cameras, high definition CCTV cameras illi l-kapaċità viżwali tagħhom hija waħda state of the art.”
Huwa ħeġġeġ l-użu ta’ dawn il-mini imma appella għar-responsabbiltà.
Spjega, “Għandna nirrispettaw lil xulxin u l-bżonnijiet ta’ xulxin. Din l-area tintuża kemm minn studenti kif ukoll minn anzjani li jiġu bżonn biex jaqbdu tal-linja li tieqaf in-naħa l-oħra ta’ Msida circus. U nagħmlilhom appell biex kemm jista’ jkun jużawha din il-faċilità tal-underpass.”