Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, spjega kif, bħala parti mir-riforma tas-saħħa mentali, il-Gvern hu kommess ukoll li jara li jiġu indirizzati l-problemi ta’ saħħa mentali li nsibu fost l-anzjani.
Qal li naraw li hemm diversi anzjani li jbatu mis-saħħa mentali, fejn hemm anke dawk li ilhom ibatu minn meta kienu żgħar u ovvjament illum kibru fl-età, imma għadhom jieħdu diversi mediċini.
Minn dawn, kien hemm pazjenti li kienu fl-Isptar Monte Karmeli u saritilhom ir-rilokazzjoni f’ċentri oħrajn, waqt li s-servizzi psikoġerjatriċi qed jingħataw ukoll fil-komunità.
Sostna li qed jieħdu ħsieb ukoll lil dawk l-anzjani li hemm fiċ-ċentri ta’ matul il-jum, fejn anke jsiru diskussjonijiet u korsijiet tal-psikoġerjatrija lill-anzjani li qegħdin fil-komunità biex anke jiġu mgħallmin reżiljenza hekk kif meta jkunu kibru, kapaċi jħossuhom waħedhom.
“Meta jkunu kibru, ġieli jkollhom mumenti fejn iħossuhom waħedhom, ikun hemm is-solitudni u allura inti tibda tgħallimhom kif għandhom jieħdu ħsieb tagħhom infushom u wkoll meta jkun il-mument li għandhom bżonn ifittxu l-għajnuna. U allura dawk huma affarijiet importanti ħafna, għax inutli jkollok l-għajnuniet u bniedem ma jkunx jaf meta wasal il-punt li għandu bżonnhom.”
Tkellem ukoll dwar id-dimensja, fejn minnu nnifsu jdaħħal diversi problemi ta’ saħħa mentali fl-anzjani, speċjalment jekk jaffettwawlu partijiet tal-moħħ b’tibdil fl-imġieba tal-persuna, kif ukoll fuq qrabathom ukoll. Qal li hu importanti nieħdu ħsiebhom lil dawn ukoll.
Is-Segretarju Parlamentari għamel aċċenn ukoll fuq l-ammont ta’ suwiċidji li wieħed isib fost l-anzjani, li sfortunatament hi wkoll rata għolja. Hu għalhekk li jridu jiġu indirizzati wkoll.
“Minn hemm tixpruna l-idea tagħna għalxiex aħna dejjem nipprovaw nagħmlu l-anzjanità aktar attiva. Dejjem nipprovaw noħolqu aktar komunitajiet fejn l-anzjani ma jkunux qed iħossuhom waħedhom. Għalhekk il-punt fejn se nkunu qed naħdmu ħafna fuq is-solitudni b’mod partikolari.”