F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministeru għall-Familja, Solidarjetà Soċjali u Drittijiet tat-Tfal taw ħarsa lejn kif żewġ miżuri ta’ simplifikazzjoni qed jiffaċilitaw ħajjet in-nies. Bit-tneħħija tal-obbligu li persuna tippreżenta ċertifikat mediku kull ġimgħa fuq mard fit-tul biex titħallas il-benefiċċju tal-mard, huwa stmat li fl-ewwel sena, id-Dipartiment se jiffranka għaxart’elef ċertifikat mediku ta’ kontinwazzjoni. Ekwivalenti għal nofs l-amont li kien jiġi ppreżentat qabel daħlet fis-seħħ din il-miżura.
Inizzjattiva oħra hija dik li bdiet titwettaq fl-aħħar jiem, meta ġew impustati kważi ħames mitt karta roża mġedda lil dawk il-persuni li se tiskadilhom f’Novembru. Ix-xahar li għadda kienu mpustati erba’ mija u erbgħa u erbgħin oħra għal dawk li skaditilhom dan ix-xahar. Bidla li għenet aktar minn disa’ mitt persuna – bil-maġġoranza tagħhom anzjani, biex ma jiġbruhomx mill-uffiċini distrettwali matul dawn ix-xahrejn. Għaldaqstant jiffrankaw skariġġ u ħela ta’ ħin. Il-Ministru Michael Falzon innota li dawn iż-żewġ miżuri jgħinu b’mod tanġibbli lill-persuni affetwati.