Ġiet inawgurata hospitality lounge fl-isptar Mater Dei fejn il-pazjenti li jkunu ngħataw il-permess biex imorru d-dar mill-konsulent jistennew lill-qraba tagħhom u jimlew id-dokumenti neċċessarji f’post komdu u akkoljenti.
B’din il-miżura, l-pazjenti ma jokkuppawx sodda fl-isptar mingħajr bżonn u lanqas jintbgħatu jistennew għal sigħat twal f’kuruturi fuq siġġijiet skomdi.
Il-Ministru Chris Fearne fisser kif b’din il-miżura se jkunu ffrankati mal-1,000 bed hour fil-ġimgħa ekwivalenti għal madwar 40 sodda.
Din hija parti mill-istrateġija fit-tul biex ma jkunx hemm pazjenti fil-kuruturi, peress li s-sodod fl-isptar huma limitati. Din tingħaqad mal-istrateġija immedjata li nieda l-Gvern għall-problema tas-sodod li qed tħalli riżultati tanġibbli hekk kif minn 8,000 pazjent fil-kurutur fl-2012, pajjiżna issa ilu mix-Xitwa li għaddiet mingħajr pazjenti fil-kuruturi.