Il-Kummissjoni Maltija tal-Films qed tipproponi li jiġu stabbiliti għaxar miżuri li jħarsu u jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tal-films f’pajjiżna.
Ħabbar dan il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, hekk kif ma’ ONE News sostna li dawn l-għaxar miżuri tfasslu wara sentejn ta’ konsultazzjoni wiesgħa mal-imsieħba kollha fis-settur b’mod primarju l-ħaddiema fi ħdanu.
Fost oħrajn, dawn il-miżuri jaraw li fl-ewwel ġimgħat tal-ingaġġ jiġu ffirmati l-kuntratti tax-xogħol. Dan minbarra li s-sigħat tax-xogħol u r-rati stabbiliti ma jistgħux ikunu taħt il-minimu mfassal mill-Kummissjoni Maltija tal-Films.
Grech irrimarka wkoll kif dawn il-miżuri jħarsu l-ħaddiema meta jaħdmu sigħat addizzjonali fuq il-medja f’din l-industrija.
“Waħda mill-wegħdi li qed inpoġġu fuq quddiem hi li fuq shoot ibbażata fuq ħamest ijiem ta’ shooting, jiġifieri produzzjoni li tiffilmja ħamest ijiem sħaħ, is-sitt ġurnata dik ir-rata tkun bis-siegħa, siegħa u nofs, jew is-seba’ ġurnata tkun is-siegħa tkun doppja.”
Minbarra hekk, l-istess miżuri jistabbilixxu wkoll li xogħol f’festi pubbliċi jsir bi ħlas doppju, filwaqt li l-ħaddiema Maltin m’għandhomx jitħaddmu sigħat aktar mill-barranin. Dan jgħodd ukoll għal ħaddiema li jaħdmu f’dipartimenti differenti fl-istess produzzjoni.
Dawn il-miżuri jistabbilixxu wkoll allowances tal-ikel għall-impjegati kollha fis-settijiet tal-films, li ma jkollhomx aċċess għall-catering li joffru l-produzzjonijiet.
“Irridu nkomplu nsaħħu l-istandards tal-jobs f’pajjiżna tal-films, irridu naraw li l-crew Malti jkollu l-istess drittijiet u jgawdi mill-istess drittijiet li jkollhom il-barranin fil-films. B’dan li qed nagħmlu, qed inkomplu nagħtu s-serħan il-moħħ lil dawk kollha li jaħdmu films u li jixtiequ jkollhom karriera fil-films u qed nagħtu s-serħan lill-ħaddiem.”