Tul Lulju ta’ din is-sena ġew iffirmati numru rekord ta’ elf u sitt mitt konvenju b’valur ta’ aktar minn 330 miljun ewro.
Dan ħareġ minn statistika miġbura mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, li turi kif il-miżura tal-Gvern li jnaqqas it-taxxa tal-boll għall-1.5% fost l-oħrajn, affetwat b’mod pożittiv u tanġibbli lis-settur.
Direttur ta’ aġenzija tal-proprjetà, Douglas Salt, stqarr ma’ One News kif din il-miżura għamlitilhom kuraġġ kbir wara ż-żmien li għamlu magħluqin.
“F’Ġunju n-numru ta’ bejgħ kważi laħaq dak tal-2018 u Lulju kellna ammont rekord ta’ l-fuq minn 1,600 konvenju. Dan għalina għamlilna kuraġġ għax ovjament konna erba’ xhur magħluqin u kellna nħallsu s-salarji tan-nies tagħna xorta u tlifna ħafna flus. Moving forward naraw li d-domanda baqgħet stabbli.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni, Chris Agius stqarr li l-fiduċja tal-poplu Malti f’dan is-settur għadha hemm, anke f’din is-sitwazzjoni bla preċedent. Stqarr li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jikkonsolida dan ir-ritmu f’dan is-settur permezz ta’ passi konkreti.
Ma’ ONE News Douglas Salt stqarr ukoll li l-pandemija ħalliet ukoll effett fuq is-suq u fuq il-preferenzi tal-Maltin meta jiġu biex jagħżlu darhom. Dan hekk kif bosta bdew jagħtu iktar valur lill-propjetà li jkollha bitħa, bejt, gallarija jew veranda.
“Rajna żieda ta’ nies li riedu jinvestu fi propjetá u anke fil-villaġjatura Għawdex, u anke jkabbru d-djar tagħhom biex ikollhom iżjed żvog fuq barra, għaliex wara erba’ xhur magħluqin ġewwa apprezzaw id-dar tagħhom u l-ambjent tad-dar tagħhom aħjar u din qed narawha bħala trend ‘going forward’.”
Huwa temm jgħid li r-ritmu li qabad is-suq domestiku issa jawgura tajjeb sabiex kif terġa’ tikber id-domanda għall-propjetá f’pajjiżna mill-barranin, ir-ritmu tal-bejgħ jerġa jkun wieħed tajjeb ħafna, hekk kif kien qabel il-bidu tal-pandemija li laqtet lid-dinja.