Tnediet il-miżura tal-Budget li permezz tagħha fiż-żmien li ġej se jitħawlu 7,000 siġra madwar l-ibliet u rħula Maltin u Għawdxin.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie spjegat ukoll li dan huwa parti mill-impenn tal-Gvern li kull Kunsill Lokali jingħata mitt siġra.
Waqt żjara f’Howard Gardens fl-Imdina, fejn din il-ġimgħa tħawlu 300 arbuxell, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli spjegat kif fi ftit jiem minn meta tħabbret l-iskema tal-100 siġra lil kull kunsill lokali, dawn ikkonkorrew b’interess għal din l-iskema.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet: “Dan huwa proġett li b’kollox se jara li l-Kunsilli Lokali, l-irħula f’Malta u Għawdex ikollhom total ta’ 7,000 siġra ġdida. L-interess u l-konkorrenza kienet waħda pożittiva ħafna f’dak li tħabbar fil-Budget li għadda.”
Preżenti kien hemm ukoll diversi membri mill-Kunsill Lokali tal-Imdina. Is-Sindku Peter Sant Manduca esprima l-gratitudni tiegħu lejn Parks Malta u l-Ministeru għal dan l-impenn u semma l-importanza tal-koperazzjoni bejn il-gvern u l-kunsilli lokali li minnha jibbenefikaw il-komunitajiet.
Id-Diretur ta’ Parks Malta Ivan Farrugia qal li matul din is-sena din l-entità ħawlet iktar minn 5,200 siġra.