Iċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa li l-ħaddiema se jkunu qed jirċievu f’dawn il-jiem huma xhieda oħra ta’ kif mill-ġid li qed jinħoloq qed igawdi kulħadd. Iktar minn hekk din hi miżura mingħajr preċedent li taħseb l-iktar f’min għandu bżonn. Differenti minn miżuri li kien propona l-aħħar gvern Nazzjonalista li kienu jippremaw l-iktar lil min jaqla’ l-iktar.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal kif b’differenza oħra minn gvernijiet Nazzjonalisti hi dik li sa mill-ewwel baġit tiegħu wara li ngħata mandat ġdid il-gvern beda jwettaq din li kienet waħda mill-wegħdi ewlenin tiegħu. Eżempju tal-impenn ċar li tinżamm il-kelma li ngħatat lill-Maltin u l-Għawdxin.
Spjega kif din id-darba se jgawdu 200,000 persuna. Fejn iktar minn ħdax-il miljun ewro se jkunu qed imorru lura fi bwiet il-familji Maltin u Għawdxin. Għax dan hu gvern li mhux talli ma jżidx it-taxxi, iżda talli jrodd lura lin-nies għal sena wara oħra.
Il-PL temm billi qal li b’din l-inizjattiva, għal darb oħra, il-gvern qed jgħin l-iktar lil dawk li jaqilgħu l-inqas. Dan hu gvern li żied il-pensjonijiet u daħħal inċentivi u benefiċċji ġodda għal dawk li jaħdmu. Għax dan hu gvern bieżel li jinċentiva l-bżulija u jipprattika l-ġustizzja soċjali.