Total ta’ 3,578 tifel u tifla li għandhom inqas minn ħames snin kienu miktuba għas-servizzi ta’ edukazzjoni formali mhux obligatorja f’Marzu li għadda.
Minn dawn, 2,805 jew 78% ibbenefikaw mis-servizz ta’ child care bla ħlas li introduċa dan il-Gvern.
Dan jirriżulta minn statistika ippublikata mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Din l-iskema kienet poplari l-aktar fost tfal li għandhom bejn sena u sentejn, tant li 89% tat-tfal kellhom din l-età. Aktar minn 64% tat-tfal li ħadu servizz ta’ childcare bla ħlas kienu mid-distretti mmarkati bl-oranġjo ċar u l-oranġju skur.
Il-maġġoranza ta’ dawk li attendew damu madwar ħames sigħat kuljum fis-servizz ta’ childcare bla ħlas. Il-maġġoranza tat-tfal kienu jmorru ċ-childcare bejn it-tmienja u d-disgħa ta’ filgħodu, u jinġabru bejn is-siegħa u s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar.
Fl-aħħar ta’ Marzu 2016, l-ammont ta’ studenti li attendew skejjel tal-istat qabel il-primarja ammonta għal 70%, filwaqt li dawk it-tfal li attendew skejjel indipendenti qabel il-primarja kienu 19%. Il-kumplament attendew skejjel tal-Knisja.