Wara diskussjonijiet bejn l-imsieħba soċjali fi ħdan il-Bord għar- Relazzjonijiet Industrijali, matul is-sena li ġejja se jidħlu fis-seħħ emendi importanti fil-liġi tax-xogħol.
Is-sena 2017 se tkun sena li fiha d-Dipartiment tax-Xogħol, minbarra li jkompli jaħdem bis-sħiħ kontra l-prekarjat, jibda jagħmel użu minn sistema elettronika aġġornata li qed tiġi żviluppata li permezz tagħha jkunu jistgħu jsiru spezzjonijiet f’postijiet tax-xogħol f’anqas ħin u b’aktar effiċjenza.
Fil-kuntest tal-proposta li għandu jingħata ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur, fl-2017 se jinfetaħ proċess ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders kollha involuti, inklużi dawk involuti f’aġenziji ta’ xogħol temporanju, biex jinġabar tagħrif sħih dwar l-implikazzjonijiet kollha ta’ pass bħal dan li permezz tiegħu l- paga u l-kundizzjoniet tax-xoghol ta’ ħaddiema ta’ kuntrattur (sub- contractor) ikunu fuq l-istess livell bħal dawk tal-ħaddiema li jkunu tal-post fejn huma jkunu qed jaħdmu.
Leave tal-mard (sick leave)
Il-Gvern se jniedi proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-proposta li ġenitur ikun jista’ jibbenefika minn leave tal-mard meta jimirdu t- tfal.
Għajnuna finanzjarja f’każ ta’ inċident fatali jew gravi fuq il-post tax-xogħol.
Fil-każ sfortunat li impjegat waqt il-qadi ta’ dmirijietu jsofri korriment li jwassal għal diżabilità permanenti li ma tħallihx ikompli jaħdem, jew fil-każ li impjegat jitlef ħajtu, il-Gvern jagħti kumpens finanzjarju lill-impjegat jew lill-werrieta, mingħajr ma jkun hemm għalfejn li tinfetaħ kawża legali.
Matul is-sena id-dieħla l-impjegati kollha fis-servizz pubbliku se jkunu qed jingħataw aktar dettalji fuq din il-miżura.