Madwar tlettax-il elf vettura f’pajjiżna huma rreġistrati ma’ Transport Malta bħala vintage cars, jew aħjar karozzi klassiċi.
Il-maġġoranza, aktar minn disat elef, huma karozzi, segwiti mill-muturi.
Biex vettura tkun klassifikata bħala klassika, irid ikollha aktar minn tletin sena u tkun qrib ħafna tal-istat oriġinali tagħha.
Karozzi klassiċi jistgħu jintużaw biss għall-użu privat u mhux biex iġorru passiġġieri jew oġġetti li jistgħu jiġġeneraw il-qligħ.
Ikollhom kemm ikollhom żmien, vetturi klassiċi jridu jinżammu f’kundizzjoni tajba li tirrispetta l-karatteristiċi oriġinali.
Dan ma jfissirx li ma jistgħux isirulhom xi modifiċi, imma sa ċertu punt, kif spjega l-uffiċjal ta’ Transport Malta, Pierre Montebello.
Huwa qal, “Eżempju li forsi jifhmuh ħafna, jekk qed nitkellmu fuq Escort MK1 li ħarġet b’magna 11, din jista’ jkollha ċertu modifiċi tista’ tinbidel il-magna għal waħda Ford tal-istess żmien 16, modifiċi fuq il-body jista’ jkun hemm ukoll biex tagħmilha tixxiebaħ iktar lejn RS16 Escort, ovvjament tista’ tibdel it-tyres u modifiċi oħra però li tibqa’ mal-epoka.”
Huwa spjega kif fl-aħħar snin ġew innutati ċertu abbużi mis-sidien ta’ karozzi klassiċi: “Tintuża kuljum, tintuża forsi għax-xogħol, rajna minnhom sfortunatament forsi ħa nuża eżempju kemm xejn estrem, anki bis-slielem u patallotti taż-żebgħa fihom, aħna l-iskema mhix aimed għal dawn it-tip ta’ users.”
Bil-għan li dawn l-abbużi jinqatgħu, l-uffiċjal spjega miżura li ġiet introdotta b’rabta ma’ din l-iskema, fil-budget li għadda.
Montebello sostna: “Vettura vintage ma tistax tagħmel iktar minn tlett elef kilometru fis-sena. Jekk naraw li dan il-limitu nqabeż, meta l-persuna tiġi biex iġġedded il-liċenzja taċ-ċirkolazzjoni, hemmhekk ħa jkollu bżonn iħallas il-liċenzja in full.”
Kull min jixtieq jirreġistra xi karozza klassika u jgawdi mill-iskema rispettiva, jista’ jagħmel dan minn fuq is-sit ta’ Transport Malta.
Montebello temm jispjega: “Biex wieħed japplika għandu bżonn jimla formularju, il-VH15, jekk hija karozza diġà rreġistrata Malta, jieħu tmien ritratti tal-vettura minn ġewwa, l-engine bay, u minn barra, u jew jibgħat l-applikazzjoni bil-posta jew jiġi biha l-Land Transport Directorate.”