Raġel ta’ 25 sena residenti l-Belt inżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat b’żewġ attentati ta’ serq, li kkawża ħsara fuq propjetà privata u li hu riċediv.
Fil-Qorti kien innutat kif Mohamed Mokhtar Jamhur, imwieled fi Tripli, l-Libja, għandu fedina penali kkulurita u problema tad-droga.
Il-Qorti semgħet kif għall-ħabta tal-erbgħa tal-Ħamis filgħodu, il-Pulizija saret taf li xi ħadd kien qed jipprova jiftaħ karozza pparkjata biswit il-Fosos tal-Furjana.
Fuq il-post il-Pulizija sabet żewġ karozzi b’sinjali ċari ta’ tentattiv ta’ serq minnhom – fosthom windbreaker u ħġieġa mkissrin.
Għalkemm l-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, ma kienx hemm talba għall-ħelsien mill-arrest, u l-avukat difensur spjega li l-akkużat għandu problema ta’ droga li jeħtieġ tiġi indirizzata.
Fost drabi oħra li sab ruħu l-Qorti, f’Novembru li għadda l-istess raġel ingħata sentenza sospiża wara każ fejn ta daqqiet ta’ sikkina lil raġel ieħor. Fi Frar il-perjodu operattiv ta’ dik is-sentenza ġie estiż wara li Jamhur ammetta tentattiv ta’ serq minn karozzi fil-Furjana.
Fid-dawl ta’ dan kollu il-Maġistrat ordnat li l-akkużat jinżamm taħt arrest u jingħata l-għajnuna neċessarja biex jegħleb il-problema tad-droga.