F’każ mhux tas-soltu fil-Qorti, mara ta’ ħamsa u tletin sena mill-Maċedonja dehret akkużata b’tixrid ta’ materjal pornografiku tal-għarus tagħha ma’ mara oħra. Dan wara li meta kienet qed tuża il-laptop tiegħu, skopriet filmati pornografiċi tal-għarus tagħha mal-istess mara.
Il-konferma li l-vidjos kienu riċenti, waslet hekk kif fil-filmat ratu liebes brazzuletta li kienet tatielu hi stess.
Malli avviċinatu dwar il-każ, l-għarus tagħha, David Xuereb ta’ erbgħa u erbgħin sena, qata’ kull tip ta’ kuntatt minn magħha. Hi baqgħet tippersisti, fejn ippruvat tikkuntattja lil mara li tidher fil-filmati, li ma kellmitiex lura. Wara dawn it-tentattivi falluti, hi kkuntatjat lil oħt il-mara li kellha relazzjoni ma’ Xuereb, fejn bagħtitilha l-filmat, waqt li qaltilha li jekk ma jkellmuhiex, se tkun qed tippubblika l-filmat.
Imbikkma, hi deheret il-Qorti akkużata b’tixrid ta’ materjal pornografiku, fejn spjegat li dak li seħħ kien kollu frustrazzjoni. Intqal ukoll li hi ġiet Malta apposta minħabba Xuereb, fejn sippost dawn kienu qed jippjanaw biex jibdew familja flimkien.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud innutat dan kollu, fejn il-mara ingħatat sentenza ta’ sitt xhur sospiża għal sentejn.
Sadanittant, tressaq fuq akkuża separata iżda fuq l-istess każ l-għarus tagħha, David Xuereb. Hu ġie akkużat li stupra lill-mara li deheret fil-vidjo, u li rrekordjaha mingħajr ma hi kienet taf.
Fil-fatt, fil-verżjoni tagħha ta’ kif ġraw l-affarjiet, l-allegata vittma, jiġifieri dik li kellu r-relazzjoni magħha u li deheret fil-vidjos, irrakontat kif waqt li kienet għarusa ma’ ħaddieħor, bdiet relazzjoni sesswali ma’ Xuereb. Wara ftit taż-żmien iżda, hi ddejqet, u qaltlu li mhijiex qed tħossha komda taħbi lill-għarus.
Madanakollu, malli qaltlu hekk, hu rritalja, u qalilha li jekk se tieqaf minn miegħu, se jikxifha mal-għarus tagħha. Is-sitwazzjoni spiċċat b’tali mod li kienet tmur fuq il-post tax-xogħol tiegħu, jew fir-residenza tiegħu, sempliċiment biex ikollha x’taqsam miegħu. Qalet ukoll li ma kinitx taf li qed jirrekordja dak li kien qed iseħħ bejniethom.
Intant, il-prosekuzzjoni, mmexxija mill-Ispetturi John Spiteri u Jeffrey Scicluna, żiedet tgħid li fil-vidjos l-istess mara kemm il-darba kienet tinstema tgħidlu biex jieqaf, u li ma tridx tkompli għaddejja b’din ir-relazzjoni.
Xuereb minn naħa tiegħu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, waqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Ġie nnutat kif l-akkużat ma jaħdimx, iżda jinsab fil-proċess li jiftaħ negozju. Hu għandu tliet itfal, u ilu jgħix m’ommu għaxar snin, minn mindu s-separa minn mal-mara orġinali.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest, minħabba l-fatt li din mhux l-ewwel darba li qed jiġi akkużat b’reati simili.