Il-Ministru għall-Ġustizzja stabilixxa l-ammont ta’ elf mitejn u tlieta u tletin ewro (€1233.00) kull xahar bħala l-ammont ta’ salarju jew paga mhux sekwestrabbli f’kawżi ċivili.
Dan tħabbar fi stqarrija hekk kif ġie spjegat li l-ammont ta’ salarju jew paga mhux sekwestrabbli qatt ma ġie rivedut mill-1995. Fil-fatt, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard spjega kif dak iż-żmien il-Parlament kien iddeċieda li l-ammont sekwestrabbli kellu jkun Lm300 fix-xahar, jiġifieri ferm aktar mill-paga minima ta’ dak iż-żmien u għalhekk biex jintlaħaq bilanċ bejn l-interessi tal-kredituri u tad-debituri, il-Gvern applika r-rata tal-inflazzjoni fuq l-ammont li kien oriġinarjament stabbilit 28 sena ilu.
Il-Ministru Attard qal li din ir-reviżjoni hija msejsa fuq neċessitajiet soċjali għaliex l-ammont stabbilit fl-1995 mhux qiegħed joffri ħajja diċenti u dinjituża, tant li attwalment l-ammont mhux sekwestrabli huwa saħansitra anqas mill-paga minima.
Il-kalkolu matematiku sar ukoll fuq data uffiċjali maħruġa annwalment mill-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali u l-Bank Ċentrali u li jinkludi l-inkriment tal-ħajja ser ikun jammonta għall-€1233.
Din l-ordni ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024.