Fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni b’rabta mal-allegat każ ta’ mara Maltija, li kif waslet Sqallija fil-ħmistax ta’ Settembru li għadda sabulha fil-karozza tagħha mal-erba’ kilogrammi droga kannabis.
Rita Scicluna ta’ 41 sena minn Ħal Luqa flimkien ma’ żewġha Nicholas Obaseki ta’ 28 sena u Osaro Osarenkhoe ta’ 27 sena qed jiġu mixlija b’importazzjoni ta’ droga.
Fil-Qorti instema’ kif kienet il-ħidma f’waqitha ta’ Pulizija li nzerta fuq btala li innota l-moviment suspettuz tan-Niġerjan Osarenkhoe. Huwa kien qed iħares b’attenzjoni żejda lejn il-karozza ta’ Scicluna, li kienet qed tivvjaġġa bil-karozza fuq il-katamaran flimkien mat-tarbija tagħha li għandha inqas minn sentejn.
L-ispettur Gabriel Micallef xehed li Scicluna u n-Niġerjan telgħu flimkien iżda infirdu waqt il-vjaġġ filwaqt li r-raġel tal-mara, li huwa Niġerjan ukoll, kien qed jistennihom f’Pozzallo fi Sqallija. Jirriżulta li wara li qam is-suspett, fil-bonnett tal-karozza instabet moħbija d-droga u l-mara u n-Niġerjan ġew arrestati minnufih. L-ispettur żied jgħid li f’ħin bla waqt ir-raġel tal-Maltija resaq lejhom u ġie arrestat ukoll. Spjega wkoll li saru diversi telefonati u ntbagħtu diversi messaġġi bejn Scicluna u ż-żewġ t’irġiel. Meta tressqu l-Qorti għaxar t’ijiem ilu l-mara kienet ingħatat il-ħelsien mill-arrest filwaqt li ż-żewġ Niġerjani inżammu taħt arrest preventiv.