Raġel ta’ 55 sena residenti s-Siġġiewi nżamm arrestat wara li ġie akkużat li kkawża ġrieħi gravi fuq martu, li wettaq attakk vjolenti b’mod indiċenti, li kkawżalha biża’, u li heddidha.
Dan hekk kif hu qed jiġi akkużat li wettaq attakk sesswali domestiku fuq martu permezz ta’ karta taċ-ċikkulata, wara li kellhom argument dwar l-problema tal-alkoħol li kellha l-mara. Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi John Spiteri u Kylie Borg qalu lill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke kif wara l-argument, dwar kif il-mara ma nadfitx id-dar u minflok xtrat żewġt ifliexken vodka, ir-raġel qabad il-karta taċ-ċikkulata u daħħalielha fil-parti privata tagħha fejn b’konsegwenza t’hekk hi ndarbet serjament.
L-avukat tal-akkużat Michael Tanti Dougall spjega kif l-argument seħħ meta l-mara ppruvat tgħatti r-riħa tal-alkoħol billi kielet ċikkulata u kien għalekk li r-raġel qalilha li għandha problema u li ma tistax tgħatti r-riħa tal-alkoħol biċ-ċikkulata.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif dan kollu seħħ waqt li t-tifel tagħhom kien preżenti fid-dar fejn spjegat li l-akkużat m’għandux jinħeles mill-arrest hekk kif hemm ċans li jbagħabas l-evidenza, fejn it-tifel jaf jixhed kontra missieru.
Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura gravi tal-każ.