Raġel ta’ 31 sena minn Birkirkara tqiegħed fuq ordni ta’ probabtion għal 3 snin wara li wieġeb ħati li weġġa’ lis-sieħba tiegħu u lil binha ta’ 16-il sena waqt argument li seħħ nhar l-Ewwel tas-Sena.
Ir-raġel li ismu ma jistax jixxandar biex tkun imħarsa l-identità tal-vittimi wieġeb ħati wkoll li heddidhom l-għada tal-inċident li wassalhom biex jagħmlulu rapport l-għassa.
Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ir-raġel ammetta l-akkużi miġjub kontrih. Il-Qorti qaltlu li kienet qiegħda tagħtih it-tieni ċans. Qaltlu li ma tistax tweġġa’ lin-nies li tgħid li tħobb u rrifjutat tisma’ dawk li sejħet bħala skużi ta’ xorb jew provokazzjoni. Saħqet li n-nies għandhom iħossuhom siguri f’darhom.
Qaltlu li hu qiegħed hemm biex jipproteġi lill-familja tiegħu u mhux isir il-problema tagħhom. Il-Pulizija qiegħda hemm biex tgħinek, qaltlu l-maġistrat waqt li sostniet miegħu li għandu jkun ta’ eżempju għat-tifel tas-sieħba tiegħu.