Raġel mill-Bangladexx ta’ ħamsa u tletin sena, li jgħix il-Greċja u li m’għandux residenza f’Malta, inżamm arrestat wara li daħal f’pajjiżna allegatament b’sitt dokumenti foloz fuqu.
Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Karl Roberts spjega li nhar il-Ħamis wara nofsinhar fuq titjira minn Ateni għal Malta, kien hemm raġel li allegatament fuqu kellu sitt passaporti foloz.
Il-Pulizija ġew mgħarfa permezz ta’ telefonata li daħlet id-Depot u minn hemmhekk ġew mgħarfa ħaddiema tal-ajruport, Pulizija mis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni u uffiċjali tad-Dwana.
Kif l-ajruplan niżel f’Malta, saret spezzjoni u fuq l-imputat instabu allegatament sitt dokumenti foloz: tliet passaporti Indjani u tliet permessi ta’ residenza tal-Portugall.
Wara din l-allegat sejba, il-Pulizija arrestat lill-imputat.
L-imputat li fil-Qorti qal li jaħdem f’għalqa tal-frawli wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Daniel Attard m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-imputat m’għandux residenza f’pajjiżna.