Sewwieq li kien allegatament involut f’hit-and-run f’Ħal Luqa nhar il-Ħadd li għadda ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih fosthom dawk li kkawża ġrieħi gravi fuq żagħżugħ u li għamillu ħsara fuq oġġetti personali.
Hagen Azzopardi, li għandu 25 sena u joqgħod l-Imsida, kien qiegħed isuq il-vettura tiegħu tat-tip VW Golf meta laqat lil vittma, ta’ 27 minn Santa Venera, f’Misraħ iż-Żgħażagħ f’Ħal Luqa.
Huwa mifhum li waqt li kien qed jaħrab minn fuq il-post ikkawża xi ħsarat lil tlett vetturi fil-viċinanzi. Il-Pulizija mbagħad waqqfu lis-sewwieq flimkien mat-tfajla tiegħu li għandha 19 -il sena fl-Imsida.
L-ispettur Paul Camilleri spjega lill-Qorti ppresedutha mill-Maġistrat Simone Grech li l-vittma jiġi l-eks sieħeb tat-tfajla tal-akkużat u li l-istess vittma kien iċempel lill-eks tfajla kif ukoll lill-imputat anki wara li l-eks sieħba biddlet in-numru tal-mowbajl tagħha.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-aħħar telefonati saru l-Ħadd li għadda meta l-vittma saqsa lill-akkużat sabiex jiltaqgħu f’Ħal Luqa. L-istess post fejn seħħ l-inċident waqt il-festa tar-raħal fid-9 ta’ filgħaxija.
Il-Maġistrat Grech ordnat il-ħelsien mill-arrest tal-akkużat fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2500. Ordnatlu wkoll biex jibdla jidħol id-dar sas-7:30 ta’ filgħxija u ma joħroġx qabel is-6 ta’ filgħodu.
Inħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq l-allegat vittma.