Teodor Mitkov Tonchev Bulgaru ta’ 32 sena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi li ta xi daqqiet ta’ ponn lis-sieħba tiegħu, qabadha minn xagħarha u waddabha t-taraġ.
Fil-Qorti, is-sieħba tiegħu qalet li l-akkużat ħebb għaliha u kkawżalha ġrieħi gravi wara li kellhom argument fir-residenza tagħhom.
Ħu l-akkużat, li deher fil-Qorti, qal li l-vittma ġieli attakkatu qabel minħabba li għandha l-vizzju tax-xorb u problemi ta’ saħħa mentali.
Fil-fatt, id-difiża informat lill-Qorti li, matul il-lejl tat-Tlieta u l-Erbgħa li għaddew, il-mara kissret it-tieqa tar-residenza tal-akkużat, daħlet fis-sakra u raqdet fuq sufan fil-garaxx.
Il-prosekuzzjoni kkonfermat dan l-inċident, iżda xorta opponiet għal-libertà proviżorja.
Il-Maġistrat Leonard Caruana ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tal-akkużi.