Libjan ta’ 29 sena li joqgħod il-Marsa wieġeb mhux ħati u ngħata l-ħelsien mill-arrest meta tressaq il-Qorti t’Għawdex mixli li weġġa’ ħafif barbier u talli ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr permess.
Fil-Qorti ġie rrakkontat kif l-akkużat mar għand barbier f’Marsalforn biex jaqta’ xagħru, liema barbier qallu biex imur aktar tard fil-ġurnata.
Meta l-akkużat reġa’ tfaċċa fil-ħanut fil-ħin li qablu dwaru l-barbier u l-akkużat, l-imputat sab lil xi persuna oħra jinqeda mill-barbier.
Hawnhekk tqanqal argument u ġlieda fiżika li wassal biex il-barbier qala’ daqqa f’idu u weġġa’ ħafif.
L-avukat difensur talab għall-ħelsien mill-arrest u argumenta li l-vittma ta x-xhieda tiegħu diġà.
Il-Qorti ppresedutha mill-Maġistrat Simone Grech laqgħet it-talba għall-ħelsien fuq garanzija personali ta’ €5,000.